Futbol internazzjonali
Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022: Draw drammatiku u meritat għal Malta f’Ċipru

 

Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022

Grupp H

Ċipru 2 Malta 2

Draw meritat ta’ 2-2 għal Malta kontra Ċipru f’Larnaca f’logħba li t-tim Malti wera progress sostanzjali mill-aħħar logħba kontra Slovenja. Il-logħba kellha tmiem drammatiku hekk kif l-gowl tad-draw minn Malta wasal fl-aħħar minuta tal-ħin miżjud. Dan il-punt fisser li Malta leħqet ir-rekord ta’ ħames punti fi grupp ta’ kwalifikazzjoni.

Mil-logħba ta’ nhar il-Ġimgħa l-kowċ Malti Devis Mangia wettaq numru ta’ bidliet. B’Joseph Mbong sospiż bdew Camenzuli li kien sospiż fl-aħħar logħba, Steve Borg, Jake Grech u Tristan Caruana b’Kurt Shaw, Steve Pisani u Shaun Dimech jibdew fuq il-bank.

Ċipru fil-vantaġġ wara biss 7 minuti meta kien Kyriakou li approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża Maltija qassam mill-ewwel lejn Papoulis li b’xutt minn nofs il-kaxxa sab ir-rokna tax-xibka. Ċipru komplew ikunu dominanti fejn ftit tal-ħin wara x-xutt ta’ Sotirou ġie salvat mill-gowlkeeper Malti. L-uniku azzjoni denja għal Malta fl-ewwel ħamsa u erbgħin minuta waslet minn saqajn Jake Grech iżda x-xutt angolat tiegħu ma’ ħoloq ebda problemi lill-gowlkeeper Michael.

Għat-tieni taqsima Mangia wettaq sostituzzjoni f’nofs il-grawnd fejn Steve Pisani ħa post Tristan Caruana. Fil-51 minuta Ċipru perikolużi meta Demetriou sab lill Louizou bid-daqqa ta’ ras tiegħu hekk kif kien issikkat minn Attard tispiċċa ftit għolja. Minuta wara cross shot ta’ Grech ikun devjat f’corner. Mill-istess corner Malta tikseb il-gowl tad-draw. Kien Pisani li tefa’ l-ballun fil-kaxxa biex Zach Muscat jantiċipa lid-difiża avversarja biex għamel l-iskor 1-1.

Fit-72 minuta Malta viċin li tmur fil-vantaġġ meta minn corner ieħor ta’ Pisani l-gowlkeeper Michael dawwar il-ballun fuq sieq il-lasta. Iżda ħdax il-minuta mit-tmiem kontra x-xejra tal-logħob Ċipru mill-ġdid fil-vantaġġ. Kakoulli kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment minn Bonello, ballun għand Pittas li sab lil Sotiriou li minn quddiem il-lasta ma’ zbaljax.

Fil-ħin mogħti żejjed konklużjoni għal darba tnejn ta’ Teuma ġiet imblukkata mid-difiża avversarja. Biex fis-97 minuta jasal il-gowl drammatiku għal Malta meta minn free kick ta’ Teuma daħal b’mod perfett għall-ballun Jurgen Degabriele li tefa’ l-ballun fix-xibka fost id-dellirju ta’ ferħ tal-players, diriġenti u partitarji Maltin fl-Istadium ta’ AEK.

It-tim Malti lagħab b’din il-formazzjoni:– H. Bonello (J. Galea 82′), R. Camenzuli, S.Borg (K.Shaw 57′), J. Grech (J.Degabriele 71′), L.Montebello, P. Mbong (S.Dimech 71′), E.Pepe, T. Teuma, C. Attard, Z. Muscat, T. Caruana (S. Pisani 46′)

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League