Futbol lokali
Kwalifikazzjoni UEFA Euro U21: Telfa minima kontra l-Finlandja fl-aħħar logħba għal diversi plejers Maltin f’din il-kategorija

Kwalifikazzjoni Kampjonat Ewropew U21

Malta…………0

Finlandja…..1

Telfa minima għat-tim Nazzjonali Malti ta’ taħt il- 21 sena fl-aħħar logħba ta’ dan il-Grupp. Telfa ta’ 1-0 fl-aħħar dehra għal diveri plejers bil-flokk tat-tim Nazzjonali taż-żgħażagħ Maltin bħal Myles Beerman u Aidan Jake Friggieri bit-tama għalihom li issa tkun li jgħamlu l-qabża mat-team Nazzjonali A.

Dan kien grupp diffiċli ferm għall-kowċ Silvio Vella mhux biss minħabba s-saħħa tal-avversarji iżda wkoll minħabba diversi fatturi oħra fosthom li tul din il-kompetizzjoni kien hemm xejn inqas minn disa’ plejers li ma setax juża Vella minħabba li ġew promossi mal-kbar għaliex isejjħu minn Mangia. Ma dan tiżdied il-problema tal-COVID-19 li laqtet lit-team ix-xahar li għadda b’diversi plejers mhux disponibbli għall-żewġ logħbiet konsekuttivi minn dan il-grupp.

Mill-aħħar logħba kontra l-Ukrajna Silvio Vella għamel bidla waħda; Marcus Grima flok Ayrton Attard, iżda l-kowċ Malti mill-ewwel kellu jagħmel bidla oħra hekk kif wara biss seba’ minuti logħob weġġa’ d-difensur Gary Camilleri u floku daħal Matthew Ellul.

Fit-18 -il minuta minn korner ta’ Lingman kien Benjamin Kallman li bir-ras antiċipa lill-avversarju u tefa’ fix-xibka għal 1-0. Fil-65 minuta tentattiv mid-distanza ta’ Carlos Zammit Londarelli ballun jispiċċa għoli. Fit-tieni taqsima l-Maltin kienu ferm aħjar, neħħew il-biża’ li jerġgħu jwettqu l-iżbalji tal-aħħar logħba u bdew jilagħbu b’kunfidenza.

Fis-78 minuta opportunita’ kbira għall-Maltin li jiksbu d-draw meta ħarba tajba ta’ James Scicluna li kien għadu kif dieħel jagħaddi tajjeb bil-konklużjoni tiegħu ċentrali.

Mad-90minuta James Sccicluna reġa’ ipprova iżda sab lil goalkeeper Sinisalo attent. Sekondi biss qabel it-tisfira finali kross ta’ Zachary Grech u l-istess Scicluna naqas li jsib ix-xibka bi ftit, sabiex il-Finlandiżi jirbħu l-logħba b’daqxejn fortuna.

Referee: Nikola Popov (Bulgarija)

Formazzjonijiet:

Malta: Rashed Al-Tumi, Nicholas Pulis, Jamie Zerafa (75 min David Xuereb), Aidan Friggieri, Omar Elouni (75 min Andrea Zammit), Jan Busuttil (75 min James Scicluna), Myles Beerman, Zachary Grech, Marcus Grima (70 min Bradley Sciberras), Carlo Zammit Londarelli, Gary Camilleri (7 min Matthew Ellul)

Finlandja: Viljami Sinisalo, Aaopo Halme, Marti Haukioja, Benjamin Kallman, Naatan Skytta (90 min Eutu Vertainen), Robin Tihi, Matias Vainiopaa, Lucas Lingman, Timo Stavitski (90 min Tobias Fagerstrom), Jasin Assehnoun (80 min Enoch Banza), Nilo Maenpaa (71 min Miko Vertainen).

 

Miktub minn...
TVM Sport
.