Futbol internazzjonali
Kwalifikazzjonijiet UEFA Euro 2021 tan-Nisa: l-ewwel rebħa għal Malta
Malta 2 - Georgia 1

Tasal l-ewwel rebħa wara draw u erba’ telfiet għal Malta fi Grupp B ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat UEFA Euro 2021 tan-Nisa: 2-1 mal-Georgia fl-ewwel minn żewġ impenji home f’ħamest ijiem.

Kienet wirja dominanti fis-Centenary Stadium illejla mit-tfajliet Maltin li kienu diġà kważi marru minn fuq wara biss 4 minuti meta minn kross ta’ Dorianne Theuma, daqqa ta’ ras ta’ Stefania Farrugia għaddiet ftit barra.

Ċans ieħor għal Malta wasal f’saqajn Rachel Cuschieri li antiċipat il-ħarġa tal-goalkeeper avversarja minn kross ieħor ta’ Dorianne Theuma, imma kkonkludiet barra wkoll.

Meritat il-vantaġġ tal-Maltin fit-18-il minuta: ġirja tajba fuq ix-xellug ta’ Haley Bugeja li qabżet lill-avversarja dirett u tefgħet lejn Rachel Cuschieri li bi ġmiel ta’ first timer għelbet lil Sukhasvili: bil-ballun jaħbat ma’ taħt il-mimduda qabel spiċċa fix-xibka.

L-iskor għal ftit ma sarx 2-0 minn daqqa ta’ ras ta’ Dorianne Theuma li iżda falliet il-mira: bħal ma għamlet Haley Bugeja minn qagħda ideali minuta mill-mistrieħ meta rċeviet mingħand Maria Farrugia.

L-ewwel taqsima għalqet bit-tfajliet Maltin 1-0 minn fuq: imma lanqas kienu għaddew 50 sekonda mill-ftuħ tat-tieni waħda li m’għamluhomx tnejn. Haley Bugeja serqet ballun ftit ‘lil hinn minn nofs il-ground, ħarbet waħedha u malli daħlet fil-kaxxa mmirat għar-rokna tax-xibka.

Il-Maltin baqgħu joħolqu ċ-ċansijiet: Maria Farrugia daħlet fil-kaxxa mix-xellug u xxuttjat fil-baxx imma rat lill-goalkeeper ittajjar b’saqajha għal corner.

Però żball fid-difiża wassal biex kwarta mit-tmiem il-Georgia naqqsu d-distakk: il-goalkeeper Janice Xuereb irċeviet kross mingħand difensur fil-kaxxa u kklerjat qasir, bil-ballun jispiċċa għand Tchkonia li skurjat faċilment f’lasta vojta.

It-tfajliet Maltin kellhom fejn jerġgħu jistabilixxu l-vantaġġ doppju imma Haley Bugeja kienet ferm sfortunata li x-xutt imkaxkar tagħha xxellef mill-goalkeeper u spiċċa mal-lasta, b’ħadd ma jirnexxilu jdawwar il-ballun għal ġewwa.

Dik kellha tkun l-aħħar azzjoni mportanti tal-partita: bl-aħħar tisfira tar-referee Armena wara 4 minuti ta’ ħin miżjud tara l-iskor finali jaqra Malta 2 Georgia 1.

Ir-rebħa ttella’ lil Malta għal 4 punti fil-grupp, fuq Iżrael u l-istess Georgia: qabel it-team ta’ Mark Gatt jiffaċċja lil Bożnja-Ħerżegovina, attwalment it-tielet bi 12-il punt, nhar it-Tlieta fis-6:30 ta’ filgħaxija mill-ġdid fis-Centenary Stadium, Ta’ Qali. Jekk tilgħab il-captain Dorianne Theuma issir l-ewwel player mara li tilħaq 100 logħba man-nazzjonal.

It-team Malti beda b’din il-formazzjoni:

Janice Xuereb, Ann-Marie Said, Emma Lipman, Stefania Farrugia, Dorianne Theuma (captain), Rachel Cuschieri, Maria Farrugia (92′ Martina Borg), Jade Flask, Charlene Zammit, Brenda Borg, Haley Bugeja (88’ Emma Xuereb)

Coach: Mark Gatt

Referee: Arakaya Saribekyan (Armenja)

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Il-players tal-football fil-Brażil se jkollhom vaganza twila kollox imħallas tal- inqas għal tliet ġimgħat minħabba l-coronavirus. Kollox qed jindka li l-Football fil-Brażil jinsab ukoll affetwat bil-virus u l-kampjonati jidher li…

Futbol internazzjonali

Il-Club tal-Premier Ingliż Manchester City se jkunu qed ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-NHS (National Health Service) parti sostanzjali tal-Etihad Stadium. Bħala parti mill-għajnuna li Manchester City se jkunu qed jagħtu lill-NHS se…

Futbol internazzjonali

Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin għamilha ċara għall-ewwel darba kemm ilha li li ggravat il-kriżi COVID-19 bil-konsegwenza li waqqfu l-kampjonati domestiċi li jekk dawn ma jistgħux jitkomplu sa Ġunju jistghu jkunu dikjarati…

Futbol internazzjonali

Il-Pacaembu Stadium f’Sao Paulo fil-Brażil qed jinbidel fi sptar għal dawk milquta mill-Covid-19. L-istadium, li jesa 45,000 spettatur, hu mistenna li jilqa’ fih 200 sodda u mistenni jitlesta f’10 t’ijiem….

Aktar