Futbol internazzjonali
L-Afrika t’Isfel trid tospita t-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs 2021 tal-FIFA

It-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs tal-FIFA jidher li ser issir fl-Afrika t’Isfel. Wara li l-Federazzjoni tal-Futbol Ġappuniża infurmat lill-FIFA li ma setgħetx tospita l-edizzjoni ta’ din is-sena minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-Federazzjoni tal-Futbol tal-Afrika t’Isfel uriet interess speċifiku u aktar tard din il-ġimgħa, il-President tal-Federazzjoni Danny Jordaan mistenni jiltaqa’ mal-President tal-FIFA Gianni Infantino u mal-President tal-CAF Patrice Motsepe.

Jekk kemmil-darba jiġi deċiż li l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs 2021 ssir fl-Afrika t’Isfel, allura tkun l-ewwel darba li l-pajjiż qed jospita kompetizzjoni daqstant kbira wara t-Tazza tad-Dinja. Il-problema li qed taffaċċja l-Federazzjoni tal-Futbol fil-pajjiż hi li s’issa l-partitarji mhumiex jiddaħħlu fl-istadia, imma hemm it-tama li sa Diċembru r-restrizzjonijiet ikomplu jonqsu u allura jkunu jistgħu jidħlu persentaġġ ta’ partitarji sabiex isewgu l-logħbiet.

Aktar tard matul din il-ġimgħa, il-laqgħa mistennija ssir f’Lagos, in-Niġerja, u dan sabiex jiġu ċċarati xi dettalji li fil-preżent jistgħu jkunu t’intopp sabiex l-edizzjoni ta’ din is-sena ssir fl-Afrika t’Isfel.

L-Afrika t’Isfel qiegħda tagħmel dak kollu possibbli  biex tiġbed lejha numru ta’ kompetizzjonijiet kbar, u fil-fatt diġà hemm konferma li fi Frar tas-sena d-dieħla ser issir il-Formula E f’Cape Town. Jekk kemm-il darba l-Federazzjoni tal-Futbol jirnexxielha tikkonvinċi lill-FIFA sabiex it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs issir hemmhekk, din tkun kompetizzjoni oħra maġġuri organizzata fil-pajjiż.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA