Olimpijadi TOKYO 2020
L-Aġenzija Kyodo tgħid li spettaturi barranin mhux ser jitħallew jidħlu fl-istadia waqt il-Logħob Olimpiku

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Kyodo, il-Ġappun iddeċieda li l-ebda spettaturi internazzjonali ma jistgħu jidħlu fl-istadia matul il-Logħob Olimpiku. Skont l-aġenzija, l-informazzjoni kienet miksuba minn uffiċjali qrib tal-Kumitat Olimpiku Ġappuniż. L-Olimpjadi kienu posposti mis-sena li għaddiet, u issa ser isiru bejn it-23 ta’ Lulju u t-8 t’Awwissu li ġej. Il-Paraolimpjadi mistennija jsiru bejn l-24 t’Awwissu u l-5 ta’ Settembru.

Jidher li l-Gvern Ġappuniż ħa din id-deċiżjoni wara li numru kbir ta’ nies qed jinkwetaw li ħafna nies barranin jaslu fil-pajjiż minħabba l-Olimpjadi, u dan kollu minħabba l-pandemija tal-Covid-19. L-inkwiet tal-Ġappuniżi hu, li b’dal-varjanti kollha tal-virus madwar id-dinja, il-pajjiż jista’ jiġi affettwat ħażin ħafna jekk il-varjanti jingħaqdu kollha f’daqqa f’post wieħed.

Din l-aħbar waslet pjuttost kmieni, meta sat-Tnejn li għadda, il-Kumitat Organizzattiv tal-Olimpjadi kien qed jgħid li deċiżjoni finali għandha tittieħed sal-25 ta’ Marzu, dakinhar li suppost tibda r-relay bit-torċa olimpika.

Din id-deċiżjoni, għalkemm ser taffettwa l-ekonomija Ġappuniża, mhux bilfors ser ikollha impatt daqstant qawwi meta wieħed iqis li fl-2018, fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa li kien sar fi Pyeongchang, fil-Korea t’Isfel, kienu biss 20% tal-biljetti li nxtraw minn persuni barranin biex isegwu l-Logħob. F’dik is-sena, 80% tal-biljetti kienu nxtraw mill-Koreani stess.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA