Futbol lokali
L-Aħħar kunsill tal-MFA tal-era Darmanin Demajo, ir-referees jibqgħu sospiżi u 139 se jivvotaw fl-elezzjoni tal-20 ta’ Lulju

Se jkunu 139 persuna li jiddeċiedu minn se jieħu t-tmun tal-futbol f’pajjiżna fil-kariga ta’ President tal-Malta Football Association hekk kif illum fl-aħħar Laqgħa tal-Kunsill tal-era Norman Darmanin Demajo ġew ikkonfermati l-ismijiet tad-delegati kollha ntitolati għall-vot fil-laqgħa ġenerali annwali tal-20 ta’ Lulju.

Il-voti se jkunu tnejn għal kull Club mill-Premier sat-tielet diviżjoni jiġifieri 106 vot, bil-kumplament tal-voti assenjati skont l-istatut tal-MFA lill-Assoċjazzjonijiet membri: bl-eċċezzjoni tal-Malta Football Referees Association li se tibqa’ sospiża mill-MFA. Fil-Kunsill il-President Darmanin Demajo spjega għaliex hu ħass li għandu jerfa’ r-responsabbilta’ li jissospendi lill-Assoċjazzjoni wara li skont hu ma mxietx mar-regolamenti tal-MFA meta sejħet il-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha kontra l-parir tal-istess MFA.

Il-Kunsill approva li minn wara l-Laqgħa Ġenerali tax-xahar id-dieħel il-mandat tal-President, Viċi Presidenti u Teżorier għandu jiżdied b’sena u jsir mandat ta’ erba’ snin.

Tħabbar intant li Robert Gatt Direttur Tekniku fi ħdan l-MFA għal dawn l-aħħar disa’ snin se jirtira fl-aħħar ta’ Lulju.

Franz Tabone kien ippreżentat bit-trofew tal-President’s Award għax-xogħol li għamel f’dawn l-aħħar snin bħala Integrity Officer tal-MFA wara li ħabbar li mhux se jibqa’ fil-kariga. Tabone ingħata l-Award illum minħabba li ma kienx preżenti għall-MFA Awards.

Is-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti ħabbar li l-MFA se tkun qed tibbenefika minn diversi fondi tal-UEFA fosthom €50,000 għall-programm tal-inklużjoni tar-refuġjati, €193,000 li se jitqassmu lil-Clubs bħala parti min-Natural Disaster Grant wara l-maltemp tax-Xitwa, u €1.28 miljun f’kumpens lill-Clubs li jipprovdu l-players għat-team Nazzjonali fil-Euro Qualifiers u l-UEFA Nations League ekwivalenti għal €3,400 kull player għal kull sejħa.

Finalment ġie komunikat li l-kampjonat BOV Premier staġun 2019/20 se jibda fit-23 ta’ Awwissu.

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

“Wara l-partita ta’ Spanja teżisti rabja kbira fil-plejers kollha.” Dan qalu l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Ray Farrugia fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret illum wara nofsinhar, ġurnata qabel il-partita ta’ għada kontra…

Futbol lokali

MAFA STAĠUN 2019/2020 Il-midfielder offensiv Nikolay Filipov kien l-eroj tal-ġurnata meta bit-tliet gowls li skorja għen lit-tim tiegħu Marsa St Michael jikseb l-ewwel post tal-klassifika b’rebħa tajba kontra Versity AFC….

Futbol lokali

Masters football: f’partita internazzjonali f’Londra il-bieraħ telfa ta’ 4-2 għas-selezzjoni Maltija kontra Royal Marines. Sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien dak ta’ 2-2 iżda l-Maltin qalgħu żewġ goals oħra fit-tieni…

Futbol lokali

Grupp F – Logħob ta’ Kwalifikazzjoni EURO 2020 Spanja………..7 Malta…………0 Spanja saħħew posthom fil-quċċata ta’ Grupp F meta mingħajr ebda diffikulta’ għelbu lil Malta bl-iskor kbir ta’ 7-0. It-tieni 45…

Aktar