Motorsport
L-aħħar tellieqa għal Valentino Rossi qabel jirtira

Ġurnata mistennija nhar il-Ħadd li ġej fil-Moto GP għaliex wieħed mill-aqwa sewwieqa ser jirtira. Il-kariżmatiku Valentino Rossi ser itemm il-karriera fil-muturi wara l-Grand Prix ta’ Valencia, fi Spanja.

It-Taljan li għandu 42 sena huwa disa’ darbiet champion f’dan l-isport, b’seba’ titli mirbuħa fl-ogħla kategorija.

Rossi qiegħed itellaq mal-Petronas Yamaha imma dan l-istaġun kien wieħed indifferenti għall-aħħar u fil-fatt jinsab fl-20 post fil-klassifika tas-sewwieqa.

L-aħħar darba li ‘The Doctor’ rebaħ tellieqa kien fl-2017 fiċ-ċirkwit Olandiż t’Assen. Biss Rossi jibqa’ wieħed mill-aqwa sewwieqa u fil-karriera tiegħu beda aktar minn 400 tellieqa u rebaħ 89 minnhom. Fil-karriera tiegħu tela’ fuq il-podju 235 darba, l-ewwel darba fl-1996 fl-Awstrija meta kien ġie t-tielet fuq mutur 125cc Aprilia.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA