Waterpolo
L-ASA se tospita l-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-Water Polo U15 tal-Irġiel f’Marzu

L-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta’ Malta ħabbret li ntagħżlet biex tospita l-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-Irġiel ta ’taħt il-15-il sena.

Dawn huma mistenijja li jsiru f’Malta bejn is-26 u t-28 ta ’Marzu. 

Il-Kampjonati, li huma avveniment bjennali, se jsiru taħt l-awspiċji tal-Ligue Européenne de Natation (LEN).

Erba Gruppi ta’ kwalifikazzjoni se jsiru fil-Kroazja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u Malta. Malta ġiet assenjata Grupp C u se tkun qed tikkompeti kontra Franza, l-Irlanda u s-Slovenja.

Il-proċedura applikata għall-għażla tal-Gruppi kienet ibbażata fuq il-klassifikazzjoni tal-Kampjonati li saru fl-2019, il-klassifikazzjoni tal-kampjonati tal-Kwalifikazzjoni u il-pożizzjonament ġeografiku.Grupp ta’ sbatax-il plejer, li qed jikkompetu għal għażla finali, bħalissa għaddejjin minn taħriġ intensiv taħt il-gwida tal-Kowċ Nazzjonali tal-U15 Anthony Farrugia. Taħriġ preliminari jinkludi sessjonijiet ta’għawm kmieni filgħodu kif ukoll taħriġ ta’saħħa u kundizzjonament fiżiku. L-aħħar ħmistax il-plejer jintgħażlu mill-Kowċ Nazzjonali eqreb tad-data.

“Din mhix draw faċli, partikolarment meta wieħed jiftakar fl-edizzjoni tal-2019 fejn Malta tilfet b’riżultat 12-8 kontra s-Slovenja ġewwa pajjizhom.  Madankollu, poġġejna dan ir-riżultat warajna u l-plejers tagħna qed jitħarrġu bis-serjeta sabiex iġibu unur lil Malta f’Marzu. ” spjega Anthony Farrugia, Kowċ tal-U15s.

Wara li jitlestew l-avvenimenti ta’ kwalifikazzjoni, l-ewwel żewġ timijiet minn kull wieħed mill-Gruppi jipproċedu għall-finali li huma skedati li jsiru bejn l-4 u l-11 ta’ Lulju f’Loule, il-Portugall.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.