
L-ASA għadha kemm ippublikat il-fixtures riveduti tagħha għall-kontinwazzjoni tal-istaġun fosthom il-logħbiet tal-finali tal-kampjonat BOV Premier finali li se tkun fuq l-aħjar minn tliet logħbiet.
Skond il-fixtures riveduti l-ewwel logħba bejn il-finalisti San Ġiljan u Neptunes hija skedata għal nhar it-Tlieta 6 ta’ Ottubru li hi jumejn eżatt wara li tintemm il-kwarantina ta’ Neptunes li jinsabu f’iżolament permess li plejer minn tagħhom instab pożittiv għal COVID-19.
TVM Sport għandhu informazzjoni li permess li t-team ta’ Neptunes mhux qed jittrenja, l-Club diġa’ talab lill-ASA sabiex l-ewwel finali minn tlieta tkun posposta tal-inqas b’sebat ijiem wara li tintemm il-kwarantina sabiex it-team ikollu ċans jagħmel aktar sessjonijiet ta’ taħriġ u mhux żewġ sessjonijiet biss. Deċiżjoni finali dwar din it-talba se tittieħed illum fil-5pm meta hemm skedata laqgħa tal-Presidenti tal-Clubs li se ssir b’mod virtwali.
Bil-ħruġ tal-fixtures tal-ASA, hemm konferma wkoll li mhux se tittieħed ebda dixxiplina ħarxa fil-konfront tal-Club fuq il-kwistjoni ta’ kif ġrat eżattament is-sekwenza tal-każ. Il-kwistjoni hi dwar kif u meta eventwalment il-plejer kkonċernat mar jagħmel l-iswab test u jekk hux vera li uffiċjal ta’ Neptunes qal lill-plejer biex jagħmel it-test wara l-logħba.