Atletika
L-atleta Christian Coleman mhux ser jieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo

Iċ-champion tal-100 metru Christian Coleman mhux ser jieħu sehem fl-Olimpajdi ta’ Tokjo tas-sena d-dieħla wara li kien sospiż għal sentejn mill-Athletics Integrity Unit. Coleman kien diġà xellef difru mal-AIU wara li s-sena li għaddiet m’għamilx tliet testijiet tad-doping. Quddiem it-tribunal dixxiplinari, l-uffiċjali tad-doping qalu li kienu quddiem id-dar ta’ Coleman fid-9 ta’ Diċembru 2019 bejn is-19:15 u t-20:15, imma l-atleta baqa’ ma rritornax lura d-dar. Min-naħa tiegħu Coleman qal li mar jixtri r-rigali tal-Milied, imma saħaq li wasal f’daru ftit qabel m’għaddiet is-siegħa li l-uffiċjali kienu ilhom jistennew quddiem biebu. Mill-irċevuti li kellu Coleman deher ċar li minn tal-inqas xtara 16-il oġġett mill-Walmart Supercenter fit-20:22 u allura l-evidenza tal-atleta ma kenitx aċċettata.

Is-sospensjoni ta’ Coleman ser tintemm fit-13 ta’ Mejju, 2022 imma jista’ jappella mid-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA