Olimpjadi tax-Xitwa - BEIJING 2022
L-atleti Amerikani jridu jitlaqqmu kontra l-Covid-19 jekk iridu jieħdu sehem fl-Olimpjadi tax-Xitwa ta’ Beijing

Il-Kumitat Olimpiku u Paraolimpiku tal-Istati Uniti għamilha ċara li kull atleta li qed jittama li jikkompeti fl-Olimpjadi tax-Xitwa li ser isiru f’Beijing is-sena d-dieħla, irid ikun imlaqqam kontra l-Covid-19.

Din il-miżura ser tiddaħħal b’effett mill-1 ta’ Novembru li ġej, fejn l-istaff, l-atleti, u dawk kollha li ser jużaw il-faċilitajiet sportivi relatati mal-preparament għall-Olimpjadi jridu jkunu mlaqqma.

Jidher li l-Kumitat Olimpiku u Paraolimpiku tal-Istati Uniti qed jagħti l-opportunità li xi atleti jistgħu jkunu eżentati li jitlaqqmu minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew raġunijiet reliġjużi.

L-istqarrija tal-Kumitat Olimpiku u Paraolimpiku tal-Istati Uniti tikkuntrasta xi ftit ma’ dak li dejjem intqal mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, li għalkemm l-atleti dejjem kienu mħeġġa biex jieħdu t-tilqima, ħadd ma kien sfurzat biex eventwalment jeħodha.

Jidher li l-istqarrija tal-Kumitat Olimpiku u Paraolimpiku Internazzjonali għandha s-sapport tal-Kunsill Konsultattiv tal-Atleti u l-Kunsill tal-Korpi Governattivi Nazzjonali. L-Olimpjadi tax-Xitwa ser jibdew fl-4 ta’ Frar 2022 f’Beijing.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA