Olimpijadi TOKYO 2020
“L-atleti għandhom jitħallew jipprotestaw” – Sebastien Coe

Sebastien Coe rriafferma l-ħsibijiet tiegħu li l-atleti għandhom id-dritt jipprotestaw waqt il-Logħob Olimpiku. Dan qalu waqt li kien qiegħed iżur l-Istadium Nazzjonali ta’ Tokjo li għadu kif tlesta u li ser jintuża fl-Olimpjadi tas-sena d-dieħla. L-Istadium Nazzjonali ser jintuża fiċ-ċerimonji tal-ftuħ u l-għeluq tal-Olimpjadi, kif ukoll ser jospita d-dixxiplina tal-atletika. Coe dejjem sostna li l-atleti għandhom jitħallew jipprotestaw jekk iridu, u ħadd m’għandu jżommhom. Fl-aħħar xhur qamet diskussjoni sħiħa dwar jekk l-atleti għandhomx jitħallew jipprotestaw, bil-Kumitat Olimpiku Internazzjonali dejjem sostna li r-Regola numru 50 trid tinżamm, jiġifieri li ħadd ma jista’ jipprotesta waqt il-logħba.

Skont Coe, l-atleti huma parti mid-dinja li jgħixu fiha, allura għandu jkollhom id-dritt li jipprotestaw jekk iħossu li għandhom jagħmlu hekk għal dak li jkun qed iseħħ madwarhom.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA