Olimpijadi TOKYO 2020
L-atleti u l-kontinġenti jridu jagħmlu swab test kuljum meta jkunu Tokjo

Miżuri aktar stretti fit-tieni edizzjoni tal-linji gwida tal-Olimpjadi ta’ Tokjo, ippubblikati matul il-ġurnata tal-Erbgħa.

Waħda mill-aktar miżuri b’saħħithom hi li l-atleti ser jiġu ttestjati kuljum u mhux minn tal-inqas kull erbat ijiem. Ħafna kritiċi qalu li din il-miżura ddaħħlet sabiex il-Ġappuniżi jħossuhom aktar moħħhom mistrieħ u forsi jibda jinbidel il-ħsieb tal-opinjoni pubblika, li l-maġġoranza tagħha ma tridx li l-Olimpjadi jsiru s-sajf li ġej. Miżura oħra hi li dawk kollha li ser jivvjaġġaw lejn il-Ġappun, irid ikollhom żewġ testijiet negattivi tal-Covid-19 qabel ma jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn Tokjo.

Għalkemm il-pajjiż jinsab tliet xhur ‘il bogħod milli jospita l-aqwa avveniment sportiv fid-dinja, il-Ġappun miexi b’pass kalm ħafna fit-tilqim, b’ħafna jgħidu li l-Logħob Olimpiku mhuwiex vijabbli li jsir is-sajf li ġej. Matul il-ġurnata tal-bieraħ reġa’ kien ikkonfermat li d-deċiżjoni dwar jekk jitħallewx spettaturi fl-istadia u fejn ser isir il-Logħob Olimpiku ser tittieħed f’Ġunju, ftit ġimgħat qabel tibda din l-edizzjoni.

Skont il-President tal-Olimpjadi ta’ Tokjo Seiko Hashimoto, għalkemm huma jixtiequ li jkun hemm l-ispettaturi jsegwu, iridu jħarsu s-saħħa tal-poplu Ġappuniż, u għaldaqstant lesti jistennew kemm jistgħu biex jieħdu deċiżjoni.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA