Atletika
L-Atletika lokali f’luttu…. titħabbar il-mewt ta’ Anthony Chircop

Tħabbret il-mewt tal-eks President tal-Malta Amateur Athletics Association Anthony Chircop. Hu miet fl-eta ta’ 76 sena. Chircop ħadem għal snin twal fl-amministrazzjoni tal-MAAA u għal 18 -il sena sħaħ serva fil-kariga ta’ President tal-Assoċjazzjoni.

Chircop mexxa lill-Atletika lokali meta dan l-Isport ħa żvolta kbira ‘l quddiem speċjalment mis-sena 1993 ‘il quddiem meta f’dik is-sena saret l-ewwel edizzjoni f’pajjiżna tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa f’pajjiżna.

Anthony Chircop irrapreżenta lill-Malta f’diversi fora internazzjonali fosthom fil-Kungressi tal-European Athletics u anke tal-IAAF. Hu kien anke Direttur fi ħdan l-Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti għal xi żmien.

Il-Malta Athletics kif ukoll il-Kumitat Olimpiku Malti sellmu l-memorja ta’ Chircop u bagħtu l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.

Fi stqarrija anke l-Għaqda Ġurnalisti Sports sellmet lil Chircop li kien rebaħ l-unur tal-Uffiċjal tas-Sena fil-Konkors Sportivi Nazzjonali tal-1998 u rringrazzjatu tas-servizz leali li dejjem ta lill-Isport tal-Atletika servizz li kien għadu jagħti sal-aħħar jiem ta’ ħajtu.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.