Olimpjadi tax-Xitwa - BEIJING 2022
L-Awstralja qed tikkontempla bojkott waqt l-Olimpjadi tax-Xitwa 2022

L-Awstralja hija l-aħħar pajjiż li qed tikkunsidra bojkott diplomatiku fil-ftuħ tal-Olimpjadi tax-Xitwa li ser isir f’Beijing fi Frar li ġej.

Il-pajjiż Awstraljan qed jibbaża r-raġunijiet tiegħu fuq dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat fil-każ tal-ex tennista Peng Shuai. Jidher li l-Awstralja qed tikkunsidra li ma tibgħat l-ebda uffiċjal tal-Gvern għaċ-ċerimonja tal-ftuħ. Min-naħa l-oħra, diġà kien ikkonfermat li mhuwa ser isir xejn li jista’ jimpedi l-parteċipazzjoni tal-atleti f’dawn l-Olimpjadi.

S’issa diġà kien hemm l-Istati Uniti, l-Ingilterra, il-Kanada u l-Litwanja li qalu li qed jikkunsidraw li jibbojkottjaw iċ-ċerimonja tal-ftuħ. Ħafna pajjiżi jinsabu urtati dwar dak li seħħ fil-każ ta’ Shuai, meta d-darbtejn champion ta’ Grand Slam kitbet fuq il-midja soċjali dwar l-ex Viċi Prim Ministru tal-pajjiż. Hemm numru ta’ pajjiżi li qed jaħsbu li Shuai tinsab maqbuda mill-forzi Ċiniżi, anke jekk kemm-il darba l-Kumitat Olimpiku Internzzjonali kkonferma li l-President Thomas Bach kellu telefonata ta’ madwar nofs siegħa magħha.

Dwar l-aħbar li l-Awstralja tista’ tagħmel bojkott diplomatiku tkellem il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż Zhai Lijian li qal li pajjiżu dejjem oppona bil-qawwa kollha kull kelma jew azzjoni li tippoliċitizza l-isport għaliex dan imur kontra l-ispirtu tal-Olimpjadi.

Ir-relazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Awstralja ilha sejra lura mis-sena li għaddiet. Dan wara li fl-2020 l-Gvern Awstraljan waqqaf inkjesta indipendenti sabiex tevalwa dak li seħħ f’Wuhan meta faqqgħet il-coronavirus. Iċ-Ċina kienet ħadet azzjoni fuq din l-inkjesta, u bdiet tagħmilha diffiċli biex l-Awstralja tixtri l-affarijiet mingħandha.

Filwaqt li l-Gvern Awstraljan mhux ser isejjaħ l-att ‘bojkott uffiċjali,’ il-Ministru għall-Isport Richard Colbeck u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Marise Payne diġà qed jgħidu li probabbli ma jmorrux Beijing.

Meta l-Olimpjadi tax-Xitwa kienu saru f’Pyeongchang, l-ex Ministru tal-Isport Bridget McKenzie kienet attendiet għaċ-ċerimonja tal-ftuħ fl-2018. Il-ħsieb hu li l-Awstralja tistenna lill-Istati Uniti u l-Ingilterra sabiex jieħdu d-deċiżjoni finali tagħhom qabel tieħu tagħha.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA