Euro2020
L-ebda plejer li ħa sehem fil-UEFA EURO 2020 ma rriżulta pożittiv għad-doping

Il-UEFA tinsab sodisfatta li matul l-edizzjoni tal-EURO 2020, l-ebda plejer ma nstab li kiser ir-regolamenti ta’ kontra d-doping.

Fi programm komprensiv kontra d-doping, il-UEFA bdiet tittestja l-plejers sa minn Jannar 2021, u baqgħet tagħmel dan sal-aħħar ġurnata tat-turnew, meta fil-finali l-Italja għelbet lill-Ingilterra bl-għoti tal-penalties.

Dan il-programm ta’ sitt xhur serva sabiħ jittieħdu kampjuni tas-624 plejer li ħadu sehem matul it-turnew tal-EURO 2020, u b’hekk inġabru 1,616 kampjun tal-awrina u d-demm. Dan ifisser li nġabru 2.59 kampjun mingħand kull plejer.

Il-UEFA waħedha ġabret 1,025 kampjun, filwaqt li l-591 l-oħra kienu miġbura mill-FIFA u l-Aġenziji ta’ Kontra d-Doping Ewropej. Bi pjaċir il-UEFA ħabbret li kull kampjun irriżulta fin-negattiv.

Dawn il-kampjuni ser jinżammu għal għaxar snin, u dan sabiex jekk ikun hemm bżonn, il-kampjuni jerġgħu jiġu ċċekkjati, kif ukoll ikunu jistgħu jiġu żviluppati tekniċi analitiċi ġodda fil-futur.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA