Għawm
L-ewwel 24 siegħa ta’ Neil Agius fl-ilma … jaqbeż il-56 kilometru u daqt jasal nofs triq

Neil Agius ilu ftit aktar minn 24 siegħa fil-baħar jaqdef, f’dik li tista’ tkun l-isfida ta’ ħajtu, bit-tama li jikser ir-rekord dinji tal-itwal għawma, kontinwa, bla assistenza, f’rotta waħda f’oċean, fil-baħar jew f’bajja miftuħa.

Kien għall-ħabta tas-18:30 tal-bieraħ li Agius beda l-għawma minn Linosa, gżira żgħira fil-baħar Mediterran qrib l-Afrika ta’ Fuq, sa Malta. Id-distanza li qed jipprova jissupera Neil hija ta’ madwar 130 kilometru.

Jidher li matul il-lejl li għadda Neil kellu xi ftit tad-diffikultà minħabba uġigħ fl-għaksa xellugija kif ukoll kien hemm ħafna kurrenti u mewġ li tellfu lill-għawwiem. S’issa Neil diġà qadef 56 kilometru u allura fi ftit sigħat oħra jkun wasal nofs triq meta kien qed jaqdef 2.5 kilometri fis-siegħa. Jidher li r-riħ minn Nofsinhar qed jiżdied xi ftit u dan jista’ jgħin lil Neil fil-qadfa tiegħu lejn Malta.

Kemm il-darba jirnexxielu jegħleb din l-isfida, Neil jikser ir-rekord dinji ta’ 124.4 kilometri. Jekk kollox imur kif ippjanat Agius mistenni jasal Malta tard għada filgħaxija. Min jixtieq isegwi l-qadfa ta’ Neil Agius jista’ jidħol fuq il-ħolqa: http://yb.tl/waveofchange21

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA