Sports Internazzjonali
L-ewwel esebizzjoni tal-arti marzjali fl-Afganistan taħt it-tmexxija tat-Taliban

F’Kabul, l-Afganistan, saret l-ewwel esebizzjoni t’arti marzjali minn meta t-Taliban ħa l-kontroll assolut tal-pajjiż.

Meta t-Taliban kien imexxi l-pajjiż bejn l-1996 u l-2001, kien hemm diversi dixxiplini sportivi li ma setgħux jiġu pprattikati, bl-arti marzjali tkun waħda minnhom.

Biss minn meta reġgħu ħadu l-kontroll tal-Afganistan, jidher li qed jippruvaw ikunu aktar raġonevoli fit-tmexxija, għalkemm mhux l-istess jista’ jingħad dwar l-isport femminili, fejn in-nisa Afgani diġà bdew jiġu mċaħħda milli jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet sportivi.

L-aġent President għad-Dipartiment Sportiv tat-Taliban, Bashir Rusumzai, attenda għall-esebizzjoni u ħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex jagħmlu lil pajjiżhom kburi. Iż-żgħażagħ kienu qed jipprattikaw il-Muay Thai, li huwa sport nazzjonali u kulturali fit-Tajlandja marbut mal-arti marzjali. Dan l-isport minn dejjem kien popolari fl-Afganistan, tant li f’Diċembru 2019, il-pajjiż rebaħ tliet midalji tad-deheb f’kompetizzjoni organizzata mill-Federazzjoni Użbeka tal-Muay Thai.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA