Futbol internazzjonali
L-ewwel flokk li libes Maradona f’Tazza tad-Dinja jinsab għall-irkant

Flokk iffirmat mill-ex stilla Arġentin Diego Armando Maradona qiegħed ikun irkantat bit-tama li tinġabar somma kbira ta’ flus. Dan il-flokk intlibes minn Maradona fl-ewwel Tazza tad-Dinja li ħa sehem fiha. Huwa kien għen lill-Arġentina sabiex jirbħu t-Tazza tad-Dinja fl-1986.

Il-flokk bl-istrippi blu u bojod tal-Arġentina, kien intlibes minn Diego Armando Maradona fl-1982, fl-ewwel logħba tiegħu kontra l-Belġju fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li saret dik is-sena. Il-flokk huwa ffirmat min-naħa ta’ quddiem, u mistenni li jlaħħaq is-somma ta’ bejn €125,000 u €210,000.

Skont il-manager ta’ Gotta Have Rock and Roll, Alec McNicholl, s’issa qatt ma kellhom oġġett simili għall-irkant, biss jemmen li jtella’ somma sabiħa minħabba l-fama tal-Arġentin.

Wara l-mewt ta’ Maradona s-sena li għaddiet, kienu ħafna dawk li wrew interess għal xi oġġett li ġie f’kuntatt miegħu, fosthom il-flokk li libes fil-kwartifinali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ingilterra, meta kien skorja b’idu. Dak il-flokk waħdu huwa stmat li jista’ jiġbor aktar minn €1 miljun u nofs. Fil-preżent il-flokk jinsab għand l-ex midfielder Ingliż Steve Hodge, li kemm-il darba qal li mhuwiex għall-bejgħ.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA