Futbol internazzjonali
L-ex kowċ tal-futbol tan-nisa tal-Istati Uniti taqbel li t-Tazza tad-Dinja ssir kull sentejn

L-ex kowċ tal-Istati Uniti Jill Ellis qalet li mhux biżżejjed timijiet tan-nisa qed jieħdu sehem fl-edizzjonijiet tal-Olimpjadi. Hija kienet qed titkellem favur li t-Tazza tad-Dinja tal-futbol tibda ssir kull sentejn u mhux kull erba’ snin.

Is-Sibt li għadda l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li jrid jiddiskuti mal-FIFA dwar il-pjan li t-Tazza tad-Dinja ssir kull sentejn u dan minħabba li deċiżjoni simili tista’ twassal għal problemi ta’ loġistika minħabba l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa.

Bħalissa hemm stennija kbira għal Diċembru li ġej meta 211-il assoċjazzjoni membru trid tivvota dwar din il-proposta. Jidher li l-proposta mressqa mill-FIFA mhux togħġob lil kulħadd, b’mod speċjali lill-UEFA u lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li għandhom interess speċifiku dwar dan il-każ.

Jill Ellis, li llum taħdem mal-FIFA qalet li l-Federazzjoni qed tagħmel dak kollu possibbli biex il-mara tingħata aktar ċans li tikkompeti fuq livell globali, xi ħaġa li mhux issir fl-Olimpjadi għax jieħdu sehem 12-il tim biss.

Ara x’kellha xi tgħid Jill Ellis f’dan il-filmat:

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA