Sports Internazzjonali
L-ex kowċ tal-ġinnastika John Geddert ineħħi ruħu b’idejh wara li kien akkużat bi traffikar ta’ persuni u b’abbuż sesswali

L-ex kowċ tal-ġinnastika Amerikan John Geddert, li kellu relazzjonijiet mat-tabib Larry Nassar, kien akkużat bi traffikar ta’ persuni u abbuż sesswali matul il-ġurnata tal-Ħamis. Skont l-awtoritajiet Amerikani, jidher li John Geddert neħħa ruħu b’idejh wara li kien akkużat b’għoxrin kap t’akkuża dwar traffikar ta’ persuni, filwaqt li kellu żewġ akkużi dwar abbuż sesswali, u akkuża oħra għax gideb lil uffiċjal tal-pulizija.

L-Avukat Ġenerali ta’ Michigan, Dana Nessel, qalet li l-ġisem ta’ John Geddert instab mill-pulizija wara nofsinhar. Geddert kien il-kowċ tat-tim tan-nisa li ħa sehem fl-Olimpjadi tal-2012 f’Londra, li kien aktar magħruf bħala l-‘Fierce Five.’ Fl-Olimpajdi ta’ dik is-sena, it-tim tal-ġinnastika rebaħ id-deheb. Geddert kien fetaħ il-Lansing-area Twistars USA Gymnastics Club, fejn kienu jitħarrġu l-aqwa atleti Amerikani, fl-istess klabb fejn it-tabib Larry Nassar kien jieħu ħsieb is-saħħa tal-atleti. Ftit tas-snin ilu, Larry Nassar weħel għomru l-ħabs wara li nstab ħati li abbuża sesswalment minn numru t’atleti, eżattament 156 tfajla.

John Geddert kien sospiż mill-Federazzjoni tal-Ġinnastika Amerikana f’Jannar 2018, tliet snin ilu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA