Futbol lokali
L-Eżekuttiv tal-Malta FA jiddiskuti governanza aktar rigoruża u t-triq il-quddiem fil-Kampjonati Nazzjonali

Il-Governanza fl-amministrazzjoni tal-klabbs kienet waħda mit-temi mqajma f’laqgħa tal-eżekuttiv tal-MFA aktar kmieni llum.

Fil-laqgħa ġie propost fost l-oħrajn process ta’ due diligence aktar rigoruż mal-uffiċjali tal-klabbs fil-Premier u ċ-Challenge League, għotjiet u sponsorships dikjarati u aktar trasparenza fejn tidhol il-ġestjoni finanzjarja tal-klabbs.

Fil-briefing mal-ġurnalisti fi tmiem il-laqgħa l-Ħamis wara nofsinhar, il-President tal-MaltaFA Bjorn Vassallo semma kif it-tisħiħ tal-amministrazzjoni tal-klabbs hija parti mir-riforma estiża fejn tidħol governanza fl-istrateġija tal-Assoċjazzjoni li tinkludi r-ristrutturar korporattiv tal-klabbs, li għandu jwassal għal tibdil fil-qafas, biex dawn ikunu jistgħu joperaw b’mod aktar professjonali u jkunu lesti għal kwalunkwe skrutinju fejn tidħol kontabilita’.

F’dan il-proċess l-Assocjazzjoni se tkun qed tfittex li tikkopera mal-awtoritajiet rispettivi.

Il-President Vassallo anke għamel referenza għall-istaġun il-ġdid fejn ġiet diskussa l-komposizzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali, liema proposti ta’ tnax-il tim fil-Premier, tnejn u għoxrin fiċ-Challenge League u dsatax fin-National Amateur League bħala punt tat-tluq mill-istaġun li ġej, iridu jiġu approvati mill-Kunsill, u eventwalment issiġillati mil-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Il-format tal-kampjonati b’din il-kompożizzjoni kien diskuss mill-klabbs fid-diviżjonijiet rispettivi li wasslu l-ħsibijiet tagħhom lill-Kumitat Eżekuttiv.

Intant illum tħabbar ukoll li d-distribuzzjoni finanzjarja tal-kompetizzjonijiet Ewropej għall-klabbs bil-parteċipazzjoni għall-ewwel darba fil-UEFA conference League se jkunu fuq l-istess livelli ta’ dak li kien jigi distribwit fil-UEFA Europa League.

Miktub minn...
Rodney Vassallo