Euro2020
L-FA Ingliża tikkummissjona rapport indipendenti dwar dak li seħħ fil-finali tal-EURO 2020

L-Assoċjazzjoni Ingliża tal-Futbol ikkummissjonat rapport indipendenti dwar dak li seħħ fil-finali tal-EURO 2020 f’Wembley Stadium.

Il-finali bejn l-Ingilterra u l-Italja kienet mirbuħa minn tal-aħħar wara l-għoti tal-penalties, biss kemm barra u anke fl-istadium kien hemm numru ta’ ġlidiet bejn il-partitarji u l-uffiċjali.

L-FA Ingliża qalet li infurmat lid-Dipartiment Diġitali, Kulturali, Midja u Sport sabiex isir dan ir-rapport indipendenti li ser ikun immexxi mill-Barunessa Casey ta’ Blackstock, b’esperti oħra li ser jitqabbdu sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mill-FA Ingliża ntqal kif irid ikun determinat x’seħħ eżatt barra u fl-Istadium ta’ Wembley fil-finali tal-EURO 2020 nhar il-11 ta’ Lulju 2021. L-FA qed tittama li permezz tar-rapport tkun tista’ titgħallem għall-futur sabiex sitwazzjonijiet simili ma jerġgħux iseħħu.

Il-pulizija Ingliża qalet li dakinhar tal-finali arrestat 86 persuna filwaqt li 19-il uffiċjal li kienu f’Wembley Stadium spiċċaw imweġġa’. Dan seħħ wara li numru ta’ persuni li ma kellhomx biljett għal-logħba ppruvaw jidħlu fl-Istadium illegalment.

Din l-istqarrija tal-FA Ingliża ħarġet jiem wara li ċ-Chairman tad-Dipartiment Diġitali, Kulturali, Midja u Sport, Julian Knight MP, talab spjegazzjoni dwar il-filmati li kienu qed jiċċirkolaw dwar xeni kaotiċi madwar Wembley u anke fl-Istadium innifsu.

Min-naħa tagħha, il-UEFA appuntat Spettur tal-Etika u d-Dixxiplina sabiex imexxi investigazzjoni separata dwar dak li seħħ dakinhar tal-finali tal-EURO 2020.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA