Olimpijadi TOKYO 2020
L-għawwiema Ona Carbonell turi d-diżappunt tagħha għax ma tistax tieħu lil binha magħha Tokjo

L-għawwiema Spanjola Ona Carbonell qalet li tinsab diżappuntata u diżilluża li ma tistax tieħu lil binha magħha Tokjo għall-Olimpjadi. Carbonell tikkompeti fl-għawm sinkronizzat, biss bħalissa għadha tredda’ lil binha u ppruvat tieħdu magħha Tokjo. Biss jidher li l-organizzaturi ma ħallewx li dan iseħħ, għax jekk kemm-il darba familtha kienet ser tivvjaġġa magħha lejn il-Ġappun, kienu ser ikunu suġġetti għal ristrezzjonijiet kbar.

Ona Carbonell kienet qed taħseb li żewġha u binha Kai, li għadu ser jagħlaq sena, jivvjaġġaw magħha lejn Tokjo, imma l-organizzaturi qalulha li jridu joqgħodu f’lukandi differenti, u li ma jkunux jistgħu joħorġu barra fl-20 ġurnata jew aktar li għandha fil-Ġappun. Carbonell qalet li ma kienx jagħmel sens li tħalli l-lukanda u lit-tim tagħha, tifqa’ l-‘bużżieqa’ biex tmur f’lukanda oħra sabiex tredda’ lil binha. Qalet li biex tagħmel hekk tkun qed tpoġġi f’riskju żejjed lil sħabha tat-tim u lil pajjiżha.

Oriġinarjament lil Carbonell qalulha li ma tistax tieħu lil binha magħha, minħabba li familjari tal-atleti ma setgħux jivvjaġġaw lejn Tokjo. Biss wara li kien hemm numru t’atleti li wrew id-diżappunt tagħhom li ma jistgħux jieħdu lil uliedhom magħhom il-Ġappun, hi flimkien mal-kowċ tagħha ddeċidew li jibagħtu petizzjoni lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.

U għalkemm il-KOI aċċetta li r-raġel u binha jivvjaġġaw magħha lejn Tokjo, għamluha ċara li riedu joqgħodu għar-regolamenti tal-Gvern Ġappuniż.

Carbonell uriet id-diżappunt tagħha li għal darb’oħra, li tkun omm u tipprattika sport elite qiesha xi ħaġa straordinarja u prattikament impossibbli.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA