Futbol internazzjonali
L-għidut isir fatt … Lionel Messi jrid jitlaq lil Barcelona

Għal xhur sħaħ kien hemm diversi għidut u spekulazzjonijiet li Lionel Messi, il-captain ta’ Barcelona, irid jitlaq lit-tim. Matul il-pandemija tal-Covid-19 l-Arġentin kien wieħed mill-plejers li attakka l-amministrazzjoni tal-klabb fil-miftuħ, u issa, l-għidut sar fatt għaliex Messi waqqaf in-negozjati għal kuntratt ġdid. Il-kuntratt ta’ Messi fadallu sas-sajf tas-sena d-dieħla u l-klabb Katalan kien diġà beda jaħseb f’kuntratt ġdid għall-Arġentin biex iżommu sa tmiem il-karriera. Imma skont rapport li ħareġ fuq l-istazzjon tar-radju Spanjol Cadena Ser, Lionel Messi ma jridx jinnegozja ma’ Barcelona u jrid jitlaq.

Waħda mir-raġunijiet għaliex l-Arġentin irid iħalli n-Nou Camp hi li fil-media kien hemm rapporti li hu kien il-moħħ wara n-nuqqas ta’ qbil u l-inċertezzi fil-klabb Katalan. Messi qed iħossu urtat li ngħata t-tort għaliex tkeċċa l-kowċ Ernesto Valverde, kif ukoll għaliex il-kwalità fit-tim naqset sew. Filwaqt li Messi dejjem kien magħruf bħala plejer kwiet u mistħi, matul dan l-istaġun sar aktar voċiferu u ma ddejjaqx jeħodha kontra d-Direttur Sportiv Eric Abidal meta dan waħħal fih għat-tkeċċija tal-kowċ. Apparti kritika indirizzata lejn it-tim fi Frar li għadda, f’April ikkritika lill-bord talli implika li l-plejers ma kenux qed jaċċettaw li titnaqqsilhom il-paga minħabba l-kriżi tal-pandemija tal-Covid-19.

F’Ġunju Messi għalaq 33 sena u plejer tal-kalibru tiegħu żgur li fadallu ftit snin oħra x’joffri fl-għola livell. L-Arġentin għadu kif skurja s-700 gowl tal-karriera kontra Atlético Madrid, tragward li kien imtappan mid-draw u li ħalla lil Barcelona fit-tieni post tal-klassifika, issa 4 punti maqtugħa minn Real Madrid.

Żgur li din l-aħbar qiegħda toħloq interess f’diversi timijiet Ewropej li jistgħu jittantaw li jakkwistaw lil Messi fil-futur qarib. Għal Barcelona, għalkemm din tista’ tkun daqqa ta’ ħarta, żgur li ser jippruvaw ibiegħu lil Messi matul dan is-suq tat-trasferimenti sabiex jakkwistaw kemxa ġmielha, għax jekk jitlaqhom wara l-istaġun li ġej jispiċċaw ma jeħdux sold ta’ dan l-istilla mondjali.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Wara nuqqas ta’ ħames xhur, mil-lejla tirritorna l-aqwa kompetizzjoni Ewropea, il-UEFA Champions League. Żewġ logħbiet illejla u tnejn oħra għada jiddeċiedu erba’ kwartifinalisti ta’ din il-kompetizzjoni. Juventus – Lyon (agg….

Futbol internazzjonali

Bayer Leverkusen 1   Rangers 0 (agg. 4-1) Fil-BayArena, Bayer Leverkusen komplew jikkonfermaw id-dominju tagħhom fuq Rangers meta rebħulhom 1-0 u għaddew għall-kwartifinali b’aggregate ta’ 4-1. Il-gowl uniku tal-logħba kien skurjat…

Futbol internazzjonali

F’inqas minn ġimgħa wara r-rebħ tal-FA Cup, li permezz t’hekk Arsenal ser jikkompetu fil-UEFA Europa League fl-istaġun li ġej, faqqgħet il-bomba li 55 persuna mill-istaff ser jitneħħew. Filwaqt li l-klabb…

Futbol internazzjonali

Inter ser jiffirmaw lil Alexis Sanchez mingħand Manchester United. Din l-aħbar taha Giuseppe Marotta l-Erbgħa waranofsinhar u issa l-plejer ser jingħaqad permanenti mat-tim minn Milan. Alexis Sanchez ingħaqad m’Inter b’self…

Aktar