Olimpijadi TOKYO 2020
L-Isprinter Amerikana Sha’Carri Richardson taċċetta xahar sospensjoni … ser titlef il-100 metru fl-Olimpjadi

L-isprinter Amerikana Sha’Carri Richardson aċċettat xahar sospensjoni wara li rriżultat pożittiva għal test tal-kannabis. B’din is-sospensjoni, Richardson ser titlef definittivament it-tellieqa tal-100 metru fl-Olimpjadi ta’ Tokjo, u b’hekk tilfet iċ-ċans li tirbaħ id-deheb f’din l-edizzjoni.

Skont l-Aġenzija ta’ Kontra d-Doping tal-Istati Uniti, Richardson għandu mnejn tkun tista’ tipparteċipa f’tellieqa oħra matul l-istess Olimpjadi li ser issir f’Awwissu.

It-test pożittiv ħareġ waqt it-trials għall-Olimpjadi li kienu qed isiru fl-Istati Uniti, fejn Richardson stabbilixxiet isimha bħala waħda mill-atleti li setgħet tirbaħ id-deheb f’Tokjo. Hija kienet għamlet ħin ta’ 10.86 sekondi.

Jidher li Richardson ħadet din is-sustanza waqt li kienet għaddejja minn perjodu ħażin wara l-mewt t’ommha. Dan stqarritu hi stess waqt intervista fuq l-istazzjon NBC matul il-ġurnata tal-Ġimgħa. Qalet li kien għalhekk li poġġiet tweet ilbieraħ fejn kitbet li hija umana, għax xtaqet tkun trasparenti kemm tista’.

Bis-sospensjoni li qalgħet Richardson, ħareġ ċar li s-sustanza ma ħadithiex minħabba l-isport, u b’hekk iffrankat erba’ snin sospensjoni.

It-tletin ġurnata sospensjoni bdew minn meta ħareġ ir-riżultat inizjali li Richardson kienet messet sustanza llegali, u għalhekk tista’ tieħu sehem fil-4x100m relay li ser issir fl-ewwel ġimgħa t’Awwissu, jekk kemm-il darba tintagħżel mill-Kumitat Olimpiku Amerikan.

Ara wkoll – https://www.tvm.com.mt/mt/sports/l-amerikana-shacarri-richardson-tinstab-pozittiva-ghall-kannabis/

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA