Futbol internazzjonali
L-Iżvezja fit-tieni post tal-grupp wara rebħa fuq Malta f’Ta’ Qali

Malta….0

Żvezja…4

 

Tlettax minn tlettax għall-Iżvediżi kontra l-Maltin, wara li fl-Istadium Nazzjonali s-Sibt filgħaxija, Malta tilfet bl-iskor ta’ 4-0 kontra l-Iżvezja. Tlettax-il konfront li fihom l-Iżvediżi dejjem ħarġu rebbieħa u għalkemm f’dan il-konfront il-Maltin pruvaw iżommu kumpatti, il-qawwa tal-Iżvezja nħasset għaliex malli tefgħu ftit tal-pressjoni rnexxilhom jaħsdu l-frott permezz tal-gowls li tnejn minnhom waslu mill-11-il metru.

L-Iżvediżi ma tantx ħlew ħin sabiex jimponu ruħhom f’dan il-konfront, tant li fil-11-il minuta kienu diġa’ fetħu l-iskor. Mill-corner ta’ Bengtsson, daħal tajjeb Marcus Danielson li prattikament waħdu fajjar il-ballun wara Bonello għal 1-0. Dan kien id-debutt għal Danielson fl-età ta’ 30 sena, debutt bil-kbir meta witta’ triq għar-rebħa Żvediża. Fit-33 minuta Bonello kellu jkun attent biex salva minn mal-art ix-xutt b’saħħtu ta’ Quaison, u żewġ minuti wara kellu jkun fl-aqwa tiegħu biex għamel save sabiħ u tajjar il-freekick ta’ Larsson. Fid-39 minuta Bonello seta’ jħossu fortunat li ma ħmarlux wiċċu għaliex il-freekick b’saħħtu ta’ Forsberg ħarablu momentarjament minn idejh, imma l-goalkeeper Malti kellu ċ-ċans jirrimedja l-iżball u laqa’ mat-tieni tentattiv. Ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Maltin resqu viċin meta mill-corner mogħti qasir kien Agius li kkonkluda iżda l-ballun kien imdawwar f’corner. Minuta wara kien imiss lil Rowen Muscat li jittanta xortih iżda x-xutt ċentrali tiegħu kien milqugħ minn Olsen.

 

L-Iżvediżi ħarġu jfittxu t-tieni gowl biex iserrħu rashom mit-tliet punti u mir-rebħa u fil-51 minuta reġa’ kien Bonello li b’abilità dawwar ix-xutt ta’ Bengtsson f’corner. Fis-57 minuta l-Iżvezja ngħataw penalty meta Mbong waqqa’ lil Granqvist fil-kaxxa u mill-11-il metru Sebastian Larsson tefa’ l-ballun naħa u l-goalkeeper oħra biex għamel l-iskor 2-0. Reazzjoni mill-Maltin mas-siegħa logħob meta mill-corner, il-ballun wasal għand Effiong li iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet metri barra mill-wieqfa. Fil-65 minuta l-isfortuna laqtet lil Andrei Agius li spiċċa għen lill-Iżvezja jiskurjaw it-tielet meta Quaison tefa’ cross li ħabat ma’ saqajn id-difensur Malti u l-ballun daħal wara Bonello għal 3-0. Fid-69 minuta s-sostitut Fenech ittanta xutt ambizzjuż mid-distanza li iżda għadda barra mil-lasti Żvediżi. Mas-70 minuta l-Iżvezja ngħataw penalty ieħor meta din id-darba r-referee Russu Ivanov aġġudika li Caruana ġibed lil Quaison fil-kaxxa u għal darb’oħra Sebastian Larsson niżżel ismu fuq il-lista tal-iskorers meta tefa’ l-ballun fir-rokna opposta li tefa’ l-ewwel penalty. L-Iżvezja għal ftit ma żidux ieħor fit-73 minuta meta Isak venven xutt minn tliet kwarti ta’ grawnd difiżi mill-Maltin, bil-ballun jgħaddi ftit metri ′l bogħod mill-wieqfa. Ċans rari mill-Maltin fit-80 minuta meta mix-xellug Mifsud ipprova jinfiltra fil-kaxxa, qassam il-ballun li finalment wasal għand Fenech li b’xutt angolat impenja lil Olsen f’save baxx.

 

B’dan ir-riżultat Malta għadha fil-post ta’ qabel tal-aħħar bi 3 punti wara r-rebħa fuq il-Gżejjer Faroe, bil-logħba ta’ nhar it-Tlieta li ġej tista’ tkun determinanti għall-pożizzjoni fil-grupp, biex forsi pajjiżna ma jispiċċax fl-aħħar post għal darb’oħra.

 

Riżultat finali: Malta 0  Żvezja 4

Referee: Sergei Ivanov (RUS)

 

Malta: H. Bonello (GK), A. Agius (c), J. Mbong, K. Nwoko, R. Muscat (P. Fenech 68’), D. Vella, K. Shaw, A. Effiong (M. Mifsud 75’), J. Zerafa, L. Gambin, Z. Muscat (J. Caruana 66’)

 

Żvezja: R. Olsen (GK), M. Lustig, A. Granqvist (c), P. Bengtsson, S. Larsson, A. Ekdal (G. Svensson 63’), M. Berg (S. Andersson 79’), E. Forsberg, M. Danielson, K. Olsson, R. Quaison (A. Isak 71’)

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Jurgen Klopp, il-Manager ta’ Liverpool, iffirma kuntratt ġdid li se jorbtu mal-klabb sal-2024. Klopp ingħaqad ma’ Liverpool f’Ottubru tal-2015 u dakinhar kien iffirma kuntratt ta’ sitt snin. Il-kuntratt ta’ Klopp,…

Futbol internazzjonali

Minbarra l-poloz tar-Round tas-16 taċ-Champions League, nhar it-Tnejn 16 ta’ Diċembru jittellgħu wkoll il-poloz tar-Round tat-32 tal-UEFA Europa League. Fl-urna ser ikun hemm l-ewwel żewġ timijiet minn kull grupp ta’…

Futbol internazzjonali

Nhar it-Tnejn 16 ta’ Diċembru, fil-kwartieri tal-UEFA f’Nyon, l-Iżvizzera, ser jittellgħu l-poloz tar-Round tas-16 tal-UEFA Champions League wara li matul din il-ġimgħa ġiet fi tmiemha l-fażi tal-gruppi. Tmien timijiet seeded,…

Futbol internazzjonali

UEFA Europa League 2019/20 Match Day 6 Grupp G Rangers 1 – 1 Young Boys 30min Alfredo Morelos 1-0 89min own goal Borna Barisic 1-1 FC Porto 3 – 2…

Aktar