Olimpijadi TOKYO 2020
L-Iżvizzera tirbaħ l-ewwel deheb fil-mountain bike, biċ-Ċina żżomm is-supremazija fil-qbiż tal-10 metri

L-Iżvizzera Jolanda Neff rebħet id-deheb fid-dixxiplina tal-mountain bike meta t-Tlieta filgħodu rnexxielha tirbaħ b’minuta u 11-il sekonda fuq l-avversarji tagħha. It-tellieqa xejn ma kienet faċli f’Izu, b’Neff titlaq fuq quddiem minħabba li kienu diversi dawk li wettqu l-iżbalji fl-ewwel metri tat-tellieqa. Malli qabżet il-linja finali qabdet bandiera Żvizzera biex tiċċelebra s-suċċess tagħha. B’hekk l-Iżvizzera rebħet l-ewwel midalha tad-deheb f’Olimpjadi.

Fit-tieni post daħlet Sina Frei u warajha Linda Indergand biex b’hekk kien hemm dominanza Żvizzera fuq il-podju. L-aħħar darba li l-Iżvizzeri mlew il-podju kien fl-1936, dakinhar fil-ġinnastika.

 

Fil-100m breastroke tan-nisa, iż-żagħżugħa Lydia Jacoby sfidat lil kulħadd biex rebħet id-deheb. Iż-żagħżugħa ta’ 17-il sena għelbet l-isfida ta’ Tatjana Schoenmaker u Lilly King li spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament. Jacoby għamlet ħin ta’ minuta, 4.95 sekondi, 0.27 sekondi qabel Schoenmaker tal-Afrika t’Isfel. Jacoby ma setgħetx temmen lil għajnejha hekk kif ħarset lejn ir-riżultat. Hija saret l-ewwel persuna mill-Alaska li qatt rebħet midalja tad-deheb fl-għawm.

 

Fil-kategorija tal-irġiel, kien ir-Russu Evgeny Rylov li ħareġ rebbieħ biex fl-aħħar għawwiem mir-Russja rnexxilu jirbaħ id-deheb. Huwa għadda lill-kompatrijott Kloiment Kolesnikov u lill-Amerikan Ryan Murphy li kien qed jiddefendi t-titlu. L-għawwiema Russi ma kenux qed jikkompetu taħt il-bandiera ta’ pajjiżhom, imma taħt il-bandiera tal-Kumitat Olimpiku Russu. Rylov temm il-100m breastroke f’ħin ta’ 51.98 sekondi, 0.02 sekondi quddiem Kolesnikov.

 

Fil-qbiż sinkronizzat tal-10 metri, il-koppja Ċiniża Chen Yuxi u Zhang Jiaqi kienu fl-aqwa tagħhom biex rebħu d-deheb. B’hekk iċ-Ċina rebħet id-deheb f’din id-dixxiplina għall-aħħar sitt edizzjonijiet tal-Olimpjadi. Il-koppja Ċiniża temmew bi 363.78 punti, aktar minn 52 punt fuq l-eqreb rivali Jessica Parratto u Delaney Schnell tal-Istati Uniti. Il-Messikani Gabriela Agundez Garcia u Alejandro Orosco Loza rebħu l-bronż. Iċ-Ċina qatt ma fallew milli jirbħu dil-kompetizzjoni sa minn meta kienet introdotta fl-2000.

 

Fid-dixxiplina tal-kayak slalom tan-nisa, suċċess għall-Ġermaniża Ricarda Funk, fejn saret l-ewwel waħda li rebħet id-deheb għal pajjiżha sa mill-Olimpjadi ta’ Barcelona fl-1992. Hija għelbet l-isfida tal-Awstraljana Jessica Fox li kienet il-favorita li tirbaħ il-kompetizzjoni.

 

Tasal ukoll it-tieni midalja tad-deheb għaċ-Ċiniża Yang Qian li rebħet fl-isparar bil-pistol u r-rifle fix-shooting range t’Asaka. Yang Qian kienet għadha kif ġejja mir-rebħ tad-deheb tlett ijiem ilu fl-10m rifle, u t-Tlieta rebħet oħra flimkien ma’ Yang Haoran. L-Amerikani Mary Tucker u Lucas Kozeniesky rebħu l-fidda filwaqt li r-Russi Yulia Karimova u Sergey Kamenskiy rebħu l-bronż f’isem il-Kumitat Olimpiku Russu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA