Futbol lokali
L-MFA b’diskussjonijiet mal-klabbs…mistennija żviluppi dwar kemm-il plejer barrani jista’ jilgħab mill-istaġun li ġej

Matul din il-ġimgħa, il-klabbs lokali qed jiġu msejħa biex jiltaqgħu mal-amministrazzjoni tal-Malta Football Association u jiddiskutu r-riforma ta’ governanza li tinkludi, fost l-oħrajn, tibdil radikali fl-istrutturi tal-Assoċjazzjoni.

Għalkemm il-konsultazzjoni dwar l-amministrazzjoni u l-governanza tal-futbol f’pajjiżna qed jiġu mbuttati bis-saħħa mill-President Bjorn Vassallo, l-akbar stennija hi d-diskussjoni dwar diversi suġġetti li jirrelataw mar-regolatorju sportiv fejn mistennija jseħħu żviluppi, fost l-oħrajn, dwar in-numru ta’ plejers barranin li klabb jista’ jkollu u jista’ jilgħab mal-ewwel ħdax mill-istaġun li ġej.

Fil-preżent, il-maġġoranza tal-klabbs lokali jemmnu li ġaladarba kienet mneħħija l-protezzjoni fir-regolamenti permezz tal-parametri, jixtiequ li fil-Kampjonat BOV Premier jew jinfetaħ kompletament is-suq jew jiżdiedu n-numri ta’ plejers barranin eliġibbli li jilagħbu.

Ladarba tneħħew il-parametri, illum plejer Malti jista’ jiċċaqlaq bla kumpens.

TVMSport jinsab infurmat li għalkemm il-pożizzjoni li jiżdiedu n-numri ta’ plejers barranin eliġibbli li jilagħbu min-naħa tal-klabbs ilha tkun diskussa internament mill-uffiċjali tal-istess klabbs, fl-aħħar ġimgħat, il-kunsens biex issir iż-żieda kif propost minn uħud naqas sew u jidher li m’hemmx qbil dwar jekk għandhomx jiżdiedu n-numri.

Sal-lum fil-Kampjonat Premier jista’ jkollok sa massimu ta’ 7 plejers barranin fuq line-up ta’ 18-il plejer.

Wara tmiem il-ġimgħa ta’ partiti fejn reġa spikka t-talent tal-plejers lokali li huma parti mill-iskwadra nazzjonali ta’ Devis Mangia, id-deċiżjoni dwar il-plejers barranin tista’ tħalli l-effett tagħha bil-kbir għall-futur.

Din il-ġimgħa li ninsabu fiha tista’ toffri ħafna aktar mir-riżultat tal-aktar logħba mistennija tal-istaġun, dik li se tintlagħab is-Sibt li ġej bejn Ħamrun Spartans u Hibernians, logħba li tista’ tfisser fejn se jmur ir-rebħ tal-Kampjonat BOV Premier f’dan l-istaġun straordinarju.

Il-partita tinsab taħt l-analizi tat-tobba tal-MFA li jmexxu l-protokoll mediku u għadu mhux cert hux se tintlagħab jew le minħabba problema ta’ COVID-19 li laqtet lil Hamrun Spartans fl-aħħar sigħat.

Miktub minn...
TVM Sport