Futbol lokali
L-MFA bi pjani għal faċilitajiet ġodda
Stadium ġdid u stand ieħor għas-Centenary Stadium

Il-Malta Football Association ippreżentat il-pjani tagħha biex ittejjeb il-faċilitajiet eżistenti u tinvesti f’oħrajn ġodda, lis-segretarju parlamentari għall-isport Clifton Grima.

Fost il-proġetti diskussi fil-laqgħa, il-bini ta’ ċentru tekniku ġdid fit-training grounds f’Ta’ Qali, li jkun jinkorpora stadium ġdid tal-ewwel kategorija biex jissodisfa l-kriterji tal-FIFA għall-organizzazzjoni tat-tournament finali għat-timijijet nazzjonali taħt id-19-il sena. L-MFA diġà ressqet bid biex tospita l-finali tal-Kampjonat UEFA Under 19 fl-2024. L-istadium ikun ir-raba’ wieħed bil-ħaxix naturali fil-pajjiż: waqt li l-faċilità sservi wkoll ta’ bażi għat-timijiet nazzjonali kollha waqt li tgħin tħajjar aktar turiżmu sportiv tal-ogħla livell.

Proġett ieħor huwa għall-kostruzzjoni tat-tieni stand fis-Centenary Stadium biex jogħla bħala kategorija u jesa aktar spettaturi.

Is-segretarju parlamentari Grima qal li l-gvern iqis lill-MFA imsieħba strateġika mhux biss fl-iżvilupp tal-football f’Malta imma wkoll mill-aspett ekonomiku u soċjali.

Il-president tal-MFA Bjorn Vassallo min-naħa tiegħu irringrazzja lil Dr Grima u lill-gvern għall-għarfien muri lill-football fil-kontribut li jagħti lill-pajjiż.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.