Futbol lokali
L-MFA bl-aħħar dettalji qabel il-bidu tal-kampjonat BOV Premier 2020/21
Logħbiet diretti fuq live.mfa.com.mt

L-MFA illum sejħet lill-media sabiex tagħti l-aħħar dettalji tal-preparazzjonijiet li qed issiru qabel il-bidu tal-kampjonat BOV Premier 2020/21 u r-regolamenti straordinarji li kellhom jidaħħlu f’din in-normalita’ ġdida.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti kkonferma li l-logħbiet tal-Premier u dak taċ-Challenge League se jibdew bil-bibien magħluqa. Hu kkonferma wkoll li jekk plejer jew uffiċjal jonqos milli jinforma li hu instab pożittiv jew irid ikun fi kwarantina mandatorja dan jeħel 3 logħbiet sospensjoni.

Is-Segretarju Ġenerali qal li biex tagħti l-aċċess lill-partitarji u lill-pubbliku nġenerali għal-logħbiet l-MFA investit f’sistema ta’ cameras li jaħdmu b’intelliġenza artifiċjali fejn se jkunu streamjati l-logħbiet l-oħra li ma jkunux qed jintwerew diretti fuq TVM2 jew fuq l-istazzjon Pay TV TSN. Chetcuti qal li għall-ewwel tliet Match Days dan is-servizz se jkun offrut b’xejn minn fuq is-sit live.mfa.com.mt u wara li ssir analiżi tal-interess li jkun hemm l-MFA tistabillixxi prezz minn Match Day 4 ‘il quddiem għal dan is-servizz. Meta mistoqsi jekk l-introjtu minn dan is-servizz hux se jkun għall-MFA jew jingħata lill-Clubs, Chetcuti qal li għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar dan. Fl-istess waqt hu kkonferma li peress li din is-sistema twaħħlet fl-Istadium Nazzjonali, fil-Victor Tedesco Stadium, fil-Hibernians Stadium u anke fis-Centenary Stadium se jkun hemm ċirkostanzi fejn anke xi l-logħbiet taċ-Challenge League u anke tal-kampjonat tan-Nisa jkunu jistgħu jiġu streamjati diretti.

Stephen Azzopardi Direttur Football Operations appella lill-Clubs u anke lill-media sabiex jikkoperaw u jaddattaw kemm jista’ jkun għal din is-sitwazzjoni. Hu tenna li l-MFA mhux se tkun qed taċċetta talbiet għall-eċċezzjonijiet mill-Protokol Return to Play tagħha.

Fil-Konferenza stampa kien imniedi wkoll il-ballun il-ġdid li se jintuża fil-kampjonat BOV Premier PUMA Team Final u anke l-kits il-ġodda tar-Referees.

Il-Kampjonat BOV Premier jibda nhar is-Sibt bil-logħba fis-Centenary Stadium bejn Zejtun Corinthians u Santa Lucia li tibda fil-5pm.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.