Futbol lokali
L-MFA issir l-ewwel assoċjazzjoni sportiva fil-pajjiż bi programm tal-Anti-Money-Laundering

Il-Malta Football Association hi l-ewwel assoċjazzjoni sportiva f’Malta li bi pjan ta’ azzjoni biex tipproteġi l-interessi tal-logħba tal-futbol u biex tissaħħaħ il-governanza fl-amministrazzjoni tal-klabbs membri .

TVMSport jista’ jikkonferma li fl-aħħar sigħat il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, approva kumitat konsultattiv ieħor bl-isem ta’ Advisory Committee on Anti-Money-Laundering, l-AML.

Dan il-kumitat li se jkollu fih persuni kompetenti fil-qasam rispettiv u mistenni jipproponi numru ta’ miżuri u rekwiżiti regolatorji ġodda li wara li jkunu implimentati, se jiżguraw trasparenza u kontabbilità fil-ġestjoni finanzjarja.

Fil-programm OFFSIDE fuq TVM2 it-Tnejn li għadda, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, qal li l-governanza tajba hija punt strateġiku kruċjali fil-pjanijiet tal-MFA biex jissaħħaħ il-mod kif ikunu iffinanzjati u kif isir l-operat fil-klabbs tal-futbol.

Vassallo fakkar li fil-futbol, il-maġġoranza ta’ dawk involuti huma nies korretti u ġenwini u li jagħmlu ħafna sagrifiċċji biex iżommu l-klabbs għaddejja, iżda bħal dejjem ikun hemm l-eċċezzjoni u hu proprju għalhekk li l-futbol Malti irid jipprepara tajjeb biex il-logħba tkun protetta minn kull tip ta’ abbuż.

Fi kliemu stess, Vassallo qal li “l-influss ta’ flejjes fil-futbol huwa effett pożittiv, iżda li jista’ wkoll iħalli konsegwenzi negattivi.”

Fl-aħħar snin, il-kriminalità finanzjarja fil-futbol saret problema prinċipali bl-aktar komuni huma l-korruzzjoni sportiva, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.

Bħalissa l-MFA qiegħda fil-proċess li timplimenta bidliet radikali li għandhom ibiddlu l-qafas legali u l-istrutturi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-Assoċjazzjoni.

Ir-riforma ta’ governanza sħiħa li hija mmexxija mill-Viċi President, Dr Matthew Paris,  tinkludi ukoll l-introduzzjoni ta’ Statut ġdid, riforma fil-liċenzjar tal-klabbs u ristrutturar korporattiv biex il-klabbs professjonali jkunu jistgħu jaddottaw struttura legali f’forma ta’ kumpaniji kummerċjali, filwaqt li dawk dilettanti jibqgħu klabbs mmexxija mill-membri biex jagħtu beneffiċju lill-komunità.

L-MFA fetħet ukoll konsultazzjoni pubblika fuq ir-riforma ta’ governanza li tagħlaq fid-9 ta’ Mejju u li se tagħti l-opportunità lill-pubbliku biex iwassal l-ideat tiegħu.

Miktub minn...
TVM Sport