Futbol lokali
L-MFA tapprova l-liċenzja ta’ tmien klabbs tal-Premier; id-destin fl-Ewropa ta’ Hamrun Spartans f’idejn il-UEFA

Il-Malta Football Association approvat il-liċenzja tal-UEFA ta’ tmien klabbs tal-Kampjonat BOV Premier.

Dawn il-klabbs huma Balzan, Birkirkara, Hamrun Spartans, Hibernians, Gżira United, Mosta, Santa Lucia u Valletta.

Dan ifisser li min-naħa tal-Assoċjazzjoni Maltija, dawn il-klabbs għandhom kollox regolari f’dak li hu liċenzjar u jistgħu jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, skont il-merti sportivi tagħhom.

Hamrun Spartans, Hibernians, Gżira United u Birkirkara huma l-klabbs li temmew fl-ewwel erba’ pożizzjonijiet tal-klassifika qabel ma twaqqaf il-kampjonat fit-23 ġurnata.

L-uniku dubju jibqa’ biss fuq Hamrun Spartans u dan minħabba każ ta’ tmien snin ilu u li fuqu għad irid jiddeċiedi Bord indipendenti tal-UEFA.

F’każ li Hamrun Spartans jiġu esklużi milli jikkompetu, jkunu Hibernians li jilagħbu fil-UEFA Champions League u Mosta li jikkwalifikaw fil-UEFA Europa League, bħalha t-tim, ‘next in line’, fil-klassifika.

F’kumment li ta Joseph Portelli, fil-programm OFFSIDE, tat-Tnejn filgħaxija fuq TVM2, dwar dan il-każ, huwa qal li ma jarax raġuni l-għala Hamrun Spartans għandhom jitħallew barra.

“Il-kastig kienu diġà ħaduh. Il-klabb u n-nies batew ħafna. Inbidel kollox fil-Hamrun minn dak iż-żmien sal-lum. Għandna kollox f’postu,” qal il-President Portelli.

Floriana, Sirens, Sliema Wanderers u Zejtun Corinthians irtiraw l-applikazzjoni tagħhom.

Il-Bord tal-Liċenzji tal-MFA impona multa fuq Birkirkara FC talli naqsu li jikkomunikaw tibdil sinifikanti fis-sottomossjonijiet tal-pagamenti tagħhom.

Minkejja dan, l-istess Bord tal-MFA approva l-liċenzja tat-tim tan-nisa ta’ Birkirkara u għaldaqstant se jkunu qed jikkompetu fil-UEFA Champions League tal-istaġun li ġej.

Miktub minn...
TVM Sport