Futbol lokali
L-MFA tapprova pakkett finanzjarju u sussidji oħra li jlaħħqu €3.4 miljuni sal-aħħar tal-istaġun 2020/21

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA approva pakkett finanzjarju ta’ €1.4 miljuni biex jassisti lill-futbol Malti wara l-kriżi tal-Covid-19 u dan wara li l-futbol domestiku, bħal kull settur ieħor, kien milqut b’mod negattiv ekonomikament minħabba l-pandemija u n-nuqqas ta’ attività li din ġabet magħha.

L-MFA se tkun qed talloka din is-somma flus importanti biex tgħin lill-klabbs membri tagħha f’dawn iż-żminijiet bla preċedent qabel staġun ġdid tal-futbol, inizjattiva immirata biex tagħti stabbilità fl-operat tal-istess klabbs u tgħinhom jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom biex ipattu għat-telf li ġarrbu.

L-MFA se tkun qed tikkommetti li tħallas ukoll l-operat tal-kampjonati domestiċi tal-futbol maskili u femminili inkluż tan-nurseries tal-YFA u kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet membri permezz tal-MOUs eżistenti, liema ċifri jaqbżu €2 miljuni fuq staġun wieħed.

Dan iffisser li potenzjalment bejn l-għajnuniet kollha, l-MFA qed talloka li tagħmel tajjeb direttatment jew f’sussidji s-somma ta’ €3.4 miljuni sal-aħħar tal-istaġun 2020-21.

Apparti l-flejjes diretti, l-iskemi l-oħra fil-pakkett finanzjarju jinkludu dawk tad-Development Pot li huma flus li jingħataw il-klabbs jekk jilagħbu plejers żgħażagħ, l-Administrators’ Scheme, li huma flus u riżorsi għal min iħaddem amministratur, u l-Pitch Maintenance Scheme, li huma flus għal manutenzjoni fil-faċilitajiet tal-klabbs u l-Instat Subscription li hu softwer ta’ analiżi teknika.

Fondi oħra se jkunu allokati għat-timijiet tan-nisa, għan-nurseries, il-futsal u plejers tal-futbol lokali li jitħarrġu barra l-pajjiż.

Fi kliem il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, din l-inizjattiva hija waħda fost għajnuniet diversi li tħabbru matul l-aħħar ġimgħat, kollha biex isaħħu l-likwidità tal-klabbs u l-akkademji li joperaw.

Matul il-laqgħa tal-bieraħ il-President tal-MFA ta x’jinftiehem li bejn Marzu u Mejju ta’ din is-sena l-MFA waħidha tilfet aktar minn €1.5 miljuni kaġun tan-nuqqas ta’ attività sportiva u kummerċjali inkluż it-turiżmu sportiv.

Iżda minkejja dan, żammet mal-wegħdiet fl-iskemi mħabbra qabel il-pandemija u ħallsithom fl-intier tagħhom sa l-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju u issa poġġiet għad-dispożizzjoni aktar għajnuna finanzjarja biex il-futbol jibqa’ għaddej u jaqdi l-funzjoni soċjali u sportiva.

Waqt l-istess laqgħa, il-Viċi President, Dr Matthew Paris, ippreżenta rapport sħiħ dwar l-inizjattivi u r-riformi maħsuba għax-xhur li ġej fejn fost l-oħrajn saħaq li l-MFA se jkollha strateġija bil-miktub sa Ottubru li ġej.

Huwa daħal fid-dettal dwar numru ta’ riformi li l-MFA bdiet bl-assistenza tal-FIFA u l-UEFA, fosthom dik dwar il-kodiċi ta’ Etika, il-Liċenzjar domestiku u r-reviżjoni tal-Istatut.

L-akbar bidliet ippjanati fil-governanza u l-amministrazzjoni tal-klabbs tal-futbol se jkunu qiegħdin jaslu minn ristrutturar fil-qafas legali tal-klabbs.

Jekk s’issa l-klabbs fil-futbol Malti u Għawdxi kienu iffurmati bħala soċjetà ċivili bil-membri permezz tar-ristrutturar li se jkun ukoll jorbot mal-liċenzja sportiv skont il-livell li l-klabb jikkompeti fih, bir-riformi studjati, il-klabbs fil-Premier League jridu bilfors ikunu kkostitwiti bħala kumpaniji filwaqt li dawk il-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni, jew kumpaniji jew fondazzjonijiet u dawk fin-National Amateur League, bħala fondazzjonijiet jew entitajiet rikrejattivi.

Dan kollu se jwassal biex l-investimenti li jsiru fil-futbol ikunu ssalvagwardjati permezz ta’ mudelli sostenibbli u se jiftħu opportunitajiet ġodda ta’ investiment internazjonali.

Waqt l-istess laqgħa tal-Kunsill is-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Dr Angelo Chetcuti, ressaq għall-approvazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv emendi fir-regolamenti tal-kompetizzjonijiet fosthom dawk dwar in-National Amateur League u n-National Amateur Cup u kif ukoll li mill-istaġun li ġej mil-livell ta’ Challenge League l-isfel jistgħu jibdew isiru 5 sostituzzjonijiet kull tim waqt il-partita.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Valletta kontra Birkirkara hija l-iktar logħba attraenti tal-ewwel ġurnata tal-kampjonat BOV Premier tal-istaġun 2020/21 li se jibda fil-11 ta’ Settembru. Fl-ewwel ġurnata ċ-Champions renjanti Floriana jaffrontaw lil Gżira United. Dan…

Futbol lokali

Il-plejer internazzjonali Malti Joseph Mbong, ftit tal-minuti ilu sar plejer ta’ Hamrun Spartans. Jidher li bejn Hibernians u Hamrun Spartans intlaħaq ftehim dwar iċ-ċifra tat-trasferiment proprju fl-10.15 am meta kien…

Aktar