Futbol lokali
L-MFA tiddeċiedi: jitneħħa Tom Saintfiet
Tom Saintfiet jitneħħa minn coach tat-team nazzjonali Malti tal-football

Il-coach tat-team nazzjonali Malti tal-football Tom Saintfiet tneħħa mill-kariga b’effett immedjat.

Id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata llejla mill-Malta Football Association fi stqarrija fuq is-sit uffiċjali tagħha.

 

It-tkeċċija ta’ Saintfiet issegwi rapporti fil-media internazzjonali li huwa applika għall-kariga vakanti ta’ coach tat-team nazzjonali tal-Kamerun waqt li kien diġà b’kuntratt mal-MFA.

Fl-istqarrija l-MFA qalet li uffiċjali tagħha llum iltaqgħu mal-Belġjan Saintfiet biex jitolbuh l-assikurazzjonjiet meħtieġa wara r-rapport li tfaċċa l-ewwel fuq il-BBC qabel inħataf mill-media lokali.

L-MFA qalet li wara analiżi sħiħa tas-sitwazzjoni, ittieħdet id-deċiżjoni li Saintfiet jitneħħa mid-dmirijiet tiegħu bħala coach tat-team nazzjonali Malti u l-kuntratt tiegħu jiġi tterminat b’effett immedjat.

Kollox beda meta storja fuq il-website tal-BBC ppubblikata ftit tal-jiem ilu żvelat li fost is-77 applikazzjoni li l-Federazzjoni tal-Football tal-Kamerun irċeviet għall-kariga ta’ coach nazzjonali, kien hemm isem Saintfiet.

Saintfiet innifsu ċaħad f’post personali fuq Facebook dalgħodu, li aktar tard tneħħa, li hu qatt applika biex ikun ikkunsidrat għal din il-kariga minflok il-Belġjan bħalu Hugo Broos: li kellu l-kuntratt tiegħu mal-Kamerun itterminat f’Diċembru għaxar xhur biss wara li mexxa lit-team għas-suċċess fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.

Il-Federazzjoni tal-Kamerun ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għal coach ġdid fl-4 ta’ Diċembru. Tom Saintfiet inħatar coach ta’ Malta fil-11 t’Ottubru li għadda biex jieħu post Pietro Ghedin. S’issa t-team Malti tilef it-tliet partiti ta’ ħbiberija li lagħab taħt Saintfiet: o-3 mal-Estonja u 0-1 mal-Lussemburgu hawn Malta, u 0-5 mal-Finlandja fit-Turkija.

TVM Sport jifhem li wara r-rapporti fil-media, Saintfiet informa lill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo li hu ma kien għamel ebda applikazzjoni, u li l-applikazzjoni f’ismu x’aktarx intbagħtet minn wieħed mill-aġenti tiegħu mingħajr il-kunsens ta’ Saintfiet innifsu. Sorsi fi ħdan l-MFA qalu lil TVM Sport li Saintfiet sostna li għalkemm din mhix prassi etikament korretta, fix-xena internazzjonali hu normali li l-Aġent jibqa’ jibgħat ic-CV tal-coach li jirrappreżenta għal diversi opportunitajiet minkejja li hu jkun ingaġġat ma’ club jew bħala coach ta’ team nazzjonali.

Jidher b’danakollu li Saintfiet ma kkonvinċiex lid-diriġenza tal-MFA: biex issa, sitt xhur biss wara li nħatar coach ġdid, tibda t-tfittxija għal min se jmexxi t-team nazzjonali Malti għall-impenji li jmiss: partiti ta’ ħbiberija skedati għal Ġunju, u f’Settembru d-debutt fil-kompetizzjoni ġdida tal-UEFA Nations League.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

  Gowl xi ftit fortunat ta’ Dimitri Boyadhziev kien biżżejjed sabiex Marsa St Michael jirbħu l-MAFA KO meta fil-finali għelbu lill-holders Senglea Gunners bl-iskor ta’ 1-0. Kienet partita ddominata mir-riħ…

Futbol lokali

Masters Football: Saru l-preżentazzjonijiet tal-unuri tal-aħħar tliet xhur tal-unur tal-MAPFRE MSV Life Masters Football player tax-xahar. Christian Muscat ta’ Rabat Chavette, Charlo Magro ta’ Dingli Desana u Alexander Ribic ta’…

Futbol lokali

F’Għawdex is-Sibt filgħaxija saru l-GFA Awards organiżżati mill-Gozo Football Accociation. Christian Mercieca ta’ Victoria Hotspurs rebaħ l-unur prinċipali dak tal-plejer tas-sena tal-Gozo Football Association għall-istaġun tal-futbol elfejn u sbatax, elfejn…

Futbol lokali

Darren Abdilla li għandu l-liċenzja UEFA Pro fil-Coaching kien iffirma bħala kowċ ta’ Gżira għall-ewwel darba f’Novembru tas-sena 2014. Hu kien rebaħ il-promozzjoni ma’ Gżira mill-ewwel diviżjoni għall-Premier u dan…

Aktar