L-MFA tipproponi Playoffs u Playouts mill-istaġun 2017/18

RAPPORT SANDRO MICALLEF

Hekk kif kien previst wara li fil-programm Kontrattakk tal-Ħadd li għadda ġew żvelati xi dettalji tal-aħħar proposti li l-MFA bgħatet lil Clubs tal-Premier dwar il-format ġdid, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo uża l-konferenza Stampa li kienet skedata sabiex jingħata tagħrif dwar l-MFA Awards sabiex jagħti iktar dettallji dwar dawn il-proposti li ntbgħatu lill-Premier Division Standing Committee.

Vassallo qal li fl-aħħar pakkett ta’ proposti li ntbgħatu mill-MFA hemm l-introduzzjoni tal-Playoffs u Playouts b’format ta’ kampjonat Premier b’14 -il team fejn kull team jilgħab 26 logħba fuq żewġ rounds ta’ 13 -il logħba kull round bil-qsim tal-punti jkun eliminat għall-kollox.

Is-Segretarju Ġenerali spjega li l-proposta tal-MFA hi li b’dan il-format min jispiċċa l-ewwel wara 26 logħba jkun dikjarat Champion u jikkwalifika fil-preliminari tal-Uefa Champions League, min jispiċċa t-tieni wara 26 logħba jikkwalifika għall-preliminari tal-Uefa Europa League.

playoffs

Dawk li jispiċċaw fit-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt post jilgħabu playoff bejniethom sabiex tnejn minnhom jiksbu wkoll post fl-Europa League bit-tielet jew bir-raba’ post. Ir-Raba’ post jibqa’ riskjuż għaliex jiggarantixxi UEL biss jekk team mill-ewwel tlieta jkun rebaħ it-Trophy. Jekk it-Trophy tintrebaħ per eżempju min team li jkun spiċċa l-ħames post is-sitta eċċ fl-Ewropa jilgħab dak it-team.

Min wara żewġ rounds jispiċċa fis-seba’ u t-tmien post ikun salva u jibqa’ Premier, filwaqt li min jispiċċa fid-disa’, l-għaxar, -il ħdax u t-tnax -il post jilgħab playout sabiex jevita’ li jkun relegat fl-ewwel diviżjoni ma’ dawk it-teams li jkunu spiċċaw fit-13 u fl-14 il-post li jkunu relegati awtomatikament.

TVM Sport hu infurmat li llejla fis-6.3om il-Premier Division Standing Committee se jiddiskuti din l-iktar proposta riċenti tal-MFA f’laqgħa li se ssir fil-Kumpless ta’ St Andrews Luxol FC.

Miktub minn...
TVM Sport
.