Futbol lokali
L-MFA trid tiddeċiedi jekk it-titlu jingħatax lil Floriana FC jew le

Se tkun il-Malta Football Association li tiddeċiedi jekk it-titlu tal-Kampjonat BOV Premier jingħatax lil Floriana FC jew le.

L-MFA, bħal kull Assoċjazzjoni oħra fl-Ewropa, trid tiddeċiedi wkoll jekk jiġux relegati u promossi t-timijiet u liema huma dawk it-timijiet li se jipparteċipaw fil-UEFA Champions League u fil-UEFA Europa League, billi tinforma lill-UEFA sa data stipulata li għandha.

TVMSport għamel kuntatt mal-UEFA u staqsa din il-mistoqsija speċifika wara li fl-aħħar jiem, f’diversi pajjiżi differenti, kien hemm fejn il-kampjonati twaqqfu għal kollox u oħrajn li fihom ingħata t-titlu li t-tim li kien jinsab fl-ewwel post sakemm waqaf il-futbol.

Fil-preżent, it-tmexxija tal-futbol Malti tinsab imwaħħla, tistenna lill-Gvern Malti u lill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jagħtu l-permess sabiex ikun jista’ jkompli l-futbol. Iżda d-data għal dan ma tidher imkien viċin u għaldaqstant se jkollha tiddeċiedi l-MFA fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

Sorsi ta’ TVMSport jikkonfermaw li l-President tal-MFA Bjorn Vassallo diġà tkellem mal-aktar nies viċin tiegħu fl-Assoċjazzjoni fejn infurmahom li hekk kif ikollu l-konferma li l-futbol ma jistax ikompli, se jkun qed isejjaħ Kunsill b’urġenza u biex fih jittieħdu l-voti neċessarji dwar deċiżjonijiet li huma kruċjali u li jistgħu jħallu togħma morra ħafna f’ħalq il-partitarji diversi tal-futbol Malti.

Sal-20 ġurnata tal-kampjonat BOV Premier, Floriana FC kienu fl-ewwel post tal-klassifika, b’Valletta FC, Hibernians FC u Sirens FC, isegwu.

L-MFA se tkun qed qed tikteb lill-UEFA fil-25 ta’ Mejju biex tingħata linji gwida dwar it-triq ’il quddiem, xi ħaġa li għamel referenza għaliha Dione Borg, Segretarju Ġenerali ta’ Floriana FC.

“Bħala klabb se nkunu qed noqgħodu fuq il-linji gwida li l-UEFA tibgħat lill-MFA. Il-pożizzjoni tal-klabb tibqa’ dik li nkompli bil-kampjonat iżda dik iridu jiddeċiedu fuqha l-Awtoritajiet tas-Saħħa, flimkien mal-MFA.

“Aħna għandna problemi kbira bil-plejers barranin. Ma nafhux hux se nżommuhom jew le. Ħadd ma jaf x’se jiġri. L-aħjar ikun li nistennew lill-UEFA tirrispondi lill-MFA iktar tard dan ix-xahar,” qal Borg.

Victor Sciriha, President ta’ Valletta FC, qal li jekk il-kampjonat ma jitkomplix, it-titlu m’għandu jingħata lil ħadd, u li fl-istaġun li ġej, it-timijiet jerġgħu jkunu kollha l-istess fid-diviżjonijiet kollha.

“Il-punti li kellna bżonn f’dawn l-aħħar snin dejjem irkuprajnihom fl-aħħar partiti. Jekk ma nistgħux inkompli għandu jitwaqqaf kollox u ma jiġi premjat ħadd. Il-priorità għalina tibqa’ li l-kampjonat jitkompla. Jekk le, għandhom isiru xi forma ta’ play-offs. Fis-sitwazzjoni li qegħdin, anki Hibernians FC għandhom ċans tajjeb li jirbħu l-kampjonat.

“Jekk il-kampjonat ma jkomplix, l-MFA trid tkun responsabbli biżżejjed fid-deċiżjonijiet li se jkollha tieħu. Jekk se tieħu ċertu deċiżjonijiet li ma jagħmlux sens se jkollha l-problemi ma’ kulħadd,” qal Sciriha.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra

Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA illum ħareġ is-sospensjonijiet wara l-ewwel logħbiet tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21. Fost il-lista ta’ tliet plejers li ġew sospiżi hemm il-plejer ta’ Lija Athletic Carl Joseph Cassar li…

MALTA ………….0 DANIMARKA….8 EURO 2021 TAN-NISA Telfa kbira ta’ 8-0 għal Malta kontra d-Danimarka illejla fis-Centenary Stadium. It-telfa hija s-sitt waħda għat-tfajliet Maltin minn tmien logħbiet s’issa fi Grupp B:…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Valletta ………….4 Birkirkara……….2 Valletta fetħu l-impenji tagħhom staġjonali b’rebħa diffiċli ta’ 3-2 kontra Birkirkara. Kienet partita klassika bejn żewġ timijiet li mistennija jkunu fost il-protagonisti ewlenin…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Ħamrun Spartans….5 Sirens………………….1 It-Taljani jgħidu, ‘Buona La Prima’. Hu hekk kien għal Hamrun Spartans. Il-Ħamruniżi jistgħu jgħidu li kellhom bidu brillanti tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21 meta…

Aktar