COVID-19 Sports
L-MFA u l-ASA jappellaw lill-awtoritajiet għal bilanċ bejn is-saħħa u l-isport
Isejħu għal linji gwida speċifiċi għall-attività sportiva

Il-Malta Football Association u l-Aquatic Sports Association appellaw lill-gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu linji gwida speċifiċi għall-isport fir-rigward tal-pandemija tal-Covid-19.

Fi stqarrija li ħarġu flimkien, l-MFA u l-ASA qed jappellaw għal-linji gwida biex, speċjalment fil-livell elite, l-atleti jkunu jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom waqt li josserwaw kull miżura ta’ prekawzjoni: bis-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd tibqa’ dejjem l-ewwel prijorità.

Iż-żewġ assoċjazzjonijiet jgħidu fl-istqarrija li n-nuqqas ta’ eżenzjonijiet għall-atleti qiegħed serjament jipperikola l-logħob u l-kompetizzjonijiet: u eventwalment din is-sitwazzjoni tista’ thedded l-eżistenza nfisha tal-għaqdiet sportivi. Jgħidu wkoll l-impożizzjoni ta’ kwarantina stretta fuq skwadri sħaħ, irrelevanti mil-livell ta’ kuntatt u contact tracing, qed iżżomm players milli jittrenjaw għal ġimagħtejn sħaħ, bi xkiel għat-timijiet tagħhom u għat-tħejjija għal kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali.

L-MFA u l-ASA għaldaqstant iħeġġu lill-awtoritajiet ikunu raġonevoli u jżommu bilanċ bejn is-saħħa u t-tkomplija tal-attività sportiva.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.