L-MFPA sodisfatta bix-xogħol li sar fix-xhur tas-sajf

Il-Malta Football Players Association (MFPA) hija ferm sodisfatta li ħafna mill-plejers li pparteċipaw fit-taħriġ għal plejers bla kuntratt, sabu klabb u ffirmaw kuntratt ġdid.

MFPA segwiet membri ohra tal-FIFPro u organizzat dan it-taħriġ għall-ewwel darba.

L-għan ta’ dan it-taħriġ kien li jgħinu lill-plejers mingħajr klabb biex isibu klabb ġdid li jimpjegahom u jiffirmaw kuntratt.

Għan ieħor kien biex jgħinu lil plejers affettwati mir-regola redikola u primittiva li bħala kumpens somma flus (parametri) għandha titħallas lill-klabb fl-aħħar ta’ kuntratt ta’ plejer qabel ma jitħalla jiffirma kuntratt ma’ klabb ieħor.

Din ir-regola għadha applikatha fil- futbol Malti!

It-taħriġ sar fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun, bejn is-16 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju.

Madwar 30 plejer ħadu sehem fil-kamp tat-taħriġ, kemm plejers Maltin kif ukoll barranin. Uħud mill-plejers barranin diġà kellhom esperjenza fil-kampjonati lokali iżda oħrajn kienu ġodda għax-xena tal-futbol lokali.

It-taħriġ kien taħt il-gwida tal-kowċ kwalifikat Renzo Kerr-Cumbo, assistit mill-kowc Steve Vella, mill-kowc tal-gowlers Michael Church, fiżjoterapista Aaron Saliba u Paul Schembri bħala kit manager.

Il-plejers kollha ngħataw kit komplut u t-taħriġ kien bla ħlas.

Kummenti mill-plejers kienu pożittivi ħafna.

Kurt ‘Maxi’ Magro qal li peress li huwa kien skadielul-kuntratt u kien infurmat li mhuwiex fil-pjanijiet tal-kowċ tat-tim, hu kien qed jitħarreġ waħdu sakemm sar jaf b’dan it-taħriġ.

Kurt tħarreġ għal 3 ġimgħat u wkoll kien involut f’logħba ta’ħbiberija. Hu rringrazzja lill-amministrazzjoni tal-MFPA ta’ l-għajnuna pprovduta lilu u fortunatament iffirma kuntratt ma’ klabb tal-Premier League.

Roderick Bajada, anki jekk kien ghadu taħt kuntratt ma’ klabb iżda xtaq ifittex klabb ġdid, qal li t-taħriġ kien organizzat b’mod professjonali ħafna.

Kien hemm il-kundizzjonijiet kollha biex plejer jieħu gost, piċċ tajjeb, kowċis professjonali, l-apparat kollu meħtieġ u grupp ta plejers li kienu lesti li jaħdmu iebes. Il-prestazzjoni kontra Valletta FC fil-logħba ta’ ħbiberija wriet is-suċċess ta’ dan it-taħriġ, grazzi għall MFPA.

Clive Brincat kien l-iktar plejer li mar tajjeb peress li huwa gie offrut kuntratt minn tim tal-Premier League wara biss ftitsessjonijiet ta’ taħriġ. Hu rringrazzja lil MFPA u jistenna bil-ħerqa għal taħriġ simili fil-futur.

Gowler Andrea Cassar kellu wkoll kummenti pożittivi wara li pparteċipa fit-taħriġ u ffirma għal klabb ġdid. Andrea qal li kienet inizjattiva pożittiva u utli ħafna għal plejers bla kuntratt.

Dan it- taħriġ ta l-opportunità għall-plejers li juru x’jafu għall-klabbs prospettivi u huwa sodisfatt ħafna bil-kuntratt il-ġdid.

Carlo Mamo, is-Segretarju Ġenerali ta’ l-MFPA ikkordina u organizzadan il-kamp assistit minn membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFPA Mark Barbara u Konrad Sultana.

It-taħriġ intemm b’logħba ta’ ħbiberija kontra c-Champions Maltin Valletta FC li fl-aħħar staġun kienu rebbieħa tad-double.

Valletta FC rebħu l-logħba ta ħbiberija bl-iskor ta 2-1.

L-MFPA stabbilixxiet mira ambizzjuża għas-sena d-dieħla, li jipparteċipaw fil-FIFPro Tournament li jsir kull sajf għal plejers li jkunu qed ifittxu klabb.

Miktub minn...
Rodney Vassallo