Futbol lokali
L-MTA b’investiment ta’ €900,000 fl-MFA u fi tliet timijiet nazzjonali ta’ Malta

“L-imħabba lejn il-futbol u l-imħabba lejn pajjiżna huma żewġ affarijiet li jagħqduna. Ejjew ninżlu f’Ta’ Qali b’mentalità rebbieħa li tagħmilna kburin,” – Clayton Bartolo.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed tinvesti €900,000 fil-Malta Football Association.

€300,000 minnhom se jkunu qed imorru fi proġetti infrastrutturali li għandha l-MFA mentri s-€600,000 l-oħra se jkunu qed imorru fi sponsor lil tliet timijiet nazzjonali Malti.

L-isponsor fit-timijiet nazzjonali hu marbut mat-tim nazzjonali A, it-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena u t-tim nazzjonali A tan-nisa.

Il-flus se jkunu qed jingħaddu fi tliet pagamenti. L-ewwel pagament tal-ewwel sena se jkun ta’ €500,000 mentri l-kumplament se jkunu qed jingħaddu f’pagament ta’ €200,000 is-sena d-dieħla u pagament ieħor tal-istess ammont fis-sena ta’ wara.

Dan ħabbru l-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret illum wara nofsinhar fis-Centenary Hall, tas-Centenary Stadium, f’Ta’ Qali.

Il-Ministru Bartolo fetaħ id-diskors tiegħu billi qal li japprezza ħafna l-ħidma li qed issir u saret mill-MFA u li kien kburi ħafna li jinsab fil-post minn fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-futbol Malti.

“Irridu niskurjaw aktar punti f’dan is-settur. Irridu li Malta tkun ċentru sportiv Ewropej,” qal il-Ministru.

Clayton Bartolo wera sodisfazzjon li li skemi oħra li ħoloq il-Gvern qed jiġbdu interess kbir barra l-pajjiż u qal li fejn jidħol turiżmu sportiv irridu nkunu front wieħed magħqud.

“L-imħabba lejn il-futbol u l-imħabba lejn pajjiżna huma żewġ affarijiet li jagħqduna. Ejjew ninżlu f’Ta’ Qali b’mentalità rebbieħa li tagħmilna kburin,” qal Clayton Bartolo.

 

“Il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla u sieħeb strateġiku għall-għaqdiet sportivi f’Malta” – Clifton Grima

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, iż-Żgħażagħ u l-għaqdiet volotarji, Clifton Grima, qal li t-turiżmu sportiv hu importanti ħafna għal Malta u biex iġġibu lejn pajjiżek trid tinvesti ħafna.

Grima qal li l-Gvern qed jinvesti biex ikompli jtejjeb il-prodott u l-infrastruttura.

“Il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla u sieħed strateġiku għall-għaqdiet sportivi f’Malta. Se nibqgħu ngħinu u ninċentivaw setturi bħal dawn li huma tant importanti f’pajjiżna,” qal Glifton Grima.

Is-Segretarju Parlamentari qal li fl-aħħar xhur rajna riżultati sbieħ għal Malta fejn jidħol it-tim nazzjonali tal-futbol.

“Kellna emozzjonijiet kbar ilkoll flimkien. Sar xogħol kbir mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Irridu nbiegħu tajjeb dan il-prodott biex inkomplu ngħollu l-futbol Malti,” qal Grima.

 

“Għandna Gvern li kapaċi jsostni lil min għandu pjan serju f’dawn l-aspetti” – Bjorn Vassallo

Bjorn Vassallo beda l-indirizz tiegħu billi qal li jinsab sodisfatt ħafna li l-MTA qed tassoċċja lilha nnifisha mal-futbol Malti.

Vassallo qal li t-tim nazzjonali Malti A jkollu 10 partiti f’sena, ‘home’ u ‘away’, u li b’kollox l-MFA għandha 14-il tim nazzjonali.

Il-President tal-MFA qal li b’dan l-investiment, l-MFA tista’ tibqa’ għaddejja bil-proġetti infrstrutturali tagħha.

“Għandna Gvern li kapaċi jsostni lil min għandu pjan serju f’dawn l-aspetti. Għandna sfid kbar biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv u sportiv u aħna qed inġibu prestazzjoni u riżultat. L-istrateġija tal-MFA tibqa’ li nibqgħu ngħollu l-istandards għoljin f’dak kollu li nagħmlu,” qal Bjorn Vassallo.

 

“Meta jilgħab it-tim nazzjonali Malti jkun qed għamel reklam kbir għal pajjiżna” – Gavin Gulia

Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia li min-naħa tiegħu faħħar dan l-investiment li se jsir fl-MFA u anki fit-timijiet nazzjonali.

Gulia qal li l-ipost hu stabbiliet bħalha niċċa importanti fl-ekonomija ta’ Malta u li l-MTA se tkun qed taħdem id f’id mal-MFA.

“Il-plejers nazzjonali tagħna jridu jibqgħu Ambaxxaturi ta’ pajjiżna. Meta jilgħab it-tim nazzjonali Malti jkun qed jagħmel reklam kbir lejn pajjiżna,” qal Gulia.

Gavin Gulia feraħ lill-MFA għat-titjieb li għamlet fl-aħħar xhur fit-tim nazzjonali Malti u qal li dan il-ftehim se jkun ta’ sostenn għaż-żewġ partijiet.

Miktub minn...
TVM Sport