Futbol internazzjonali
La Liga – Atlético Madrid jirbħu l-11-il kampjonat fl-istorja tagħhom, Huesca, Eibar u Valladolid relegati

Valladolid  1-2  Atlético Madrid

Atlético Madrid jirbħu l-kampjonat għall-11-il darba fl-istorja tagħhom meta marru għand Valladolid u rebħulhom 2-1. Din it-telfa kienet tfisser ukoll relegazzjoni għal Valladolid. Huma marru fil-vantaġġ fit-18-il minuta permezz ta’ Plano, b’Correa jġib id-draw għal Atlético fis-57 minuta. Luis Suarez poġġihom fil-vantaġġ fis-67 minuta.

Real Madrid  2-1  Villarreal

Fl-Estadio Alfredo Di Stefano, Real Madrid temmew l-istaġun 2020/21 b’rebħa meta fl-aħħar logħba għelbu lil Villarreal 2-1. Il-gowl ta’ Pino fl-20 minuta poġġa lil Villarreal minn fuq u Los Blancos skurjaw fit-58 minuta permezz ta’ Benzema iżda l-gowl kien ikkanċellat bil-VAR minħabba offside. Benzema iżda rnexxilu jiskorja gowl validu fis-87 minuta biex għamilhom 1-1 qabel Modric skorja l-gowl tar-rebħa mat-tieni minuta fuq il-ħin regolamentari.

Huesca  0-0  Valencia

Draw ma kienx biżżejjed għal Huesca biex isalvaw ġildhom f’La Liga meta laqgħu għandhom lil Valencia u spiċċaw 0-0. B’dan id-draw Huesca spiċċaw it-tielet mill-aħħar u eventwalment ġew relegati.

Elche  2-0  Athletic Bilbao

Elche jsalvaw fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat meta f’darhom għelbu lil Athletic Bilbao 2-0. Boye fetaħ l-iskor fit-28 minuta, filwaqt li Guti skorja t-tieni fit-73 minuta.

Eibar  0-1  Barcelona

Gowl ta’ Griezmann kien id-differenza bejn Barcelona u Eibar biex il-Katalani rebħu bl-iskor ta’ 1-0. Din it-telfa għal Eibar kienet tfisser mhux biss relegazzjoni imma wkoll li jispiċċaw fl-aħħar post ta’ La Liga.

F’riżultati oħra:

Celta Vigo  2-3  Real Betis
Osasuna  0-1  Real Sociedad

Għaldaqstant, Atlético Madrid huwa r-rebbieħa ta’ La Liga, filwaqt li flimkien magħhom Real Madrid, Barcelona u Sevilla ser jikkompetu fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej.

Real Sociedad u Real Betis ser jieħdu sehem fil-UEFA Europa League, filwaqt li Villarreal ser jikkompetu fil-UEFA Europa Conference League.

It-timijiet ta’ Huesca, Eibar u Valladolid sfaw relegati minn La Liga.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA