Futbol internazzjonali
La Liga – Barcelona b’rebħa tajba fil-Mestalla fuq Valencia

Valencia  2-3  Barcelona

Rebħa importanti għal Barcelona fl-Estadio de Mestalla, meta marru għand Valencia u rebħulhom 3-2. Il-gowls kollha kienu skurjati fit-tieni taqsima, u kienu Valencia li marru fil-vantaġġ mal-50 minuta permezz ta’ Gabriel Paulista. Il-Katalani ġabu d-draw fis-57 minuta meta mill-11-il metru Messi ma rnexxilux jitfa’ fix-xibka, imma għamel hekk mir-rebound biex għamilhom 1-1.

Antoine Griezmann poġġa lil Barcelona minn fuq fit-63 minuta u Messi skorja doppjetta personali fid-69 minuta u għamilhom 3-1. Valencia naqqsu d-distakk fit-83 minuta b’gowl ta’ Soler, li iżda ma kienx biżżejjed sabiex jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront.

B’din ir-rebħa Barcelona żammew fit-tielet post tal-klassifika, punti daqs Real Madrid u żewġ punti ‘l bogħod mill-quċċata.

Illejla fid-21:00 tintlagħab logħba waħda, meta Sevilla jilqgħu lil Athletic Bilbao.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA