Futbol internazzjonali
La Liga: Nofs żelqa għal Barcelona waqt li Messi jiskorja s-700 gowl tal-karriera

Barcelona 2   Atlético Madrid 2

Nofs żelqa oħra għal Barcelona fi Nou Camp meta kienu miżmuma minn Atlético Madrid 2-2, f’konfront li l-Katalani tilfu l-vantaġġ darbtejn. Barcelona marru minn fuq kmieni fil-logħba, wara biss 11-il minuta meta Costa spiċċa tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Il-vantaġġ żammewh biss għal 8 minuti għaliex fid-19-il minuta Saul Niguez mill-11-il metru għamel l-iskor 1-1.

Fit-tieni taqsima Lionel Messi skorja s-700 gowl tal-karriera meta fil-50 minuta inkariga ruħu minn penalty u għamel l-iskor 2-1, biss Saul Niguez reġa’ kkanċella l-vantaġġ ta’ Barcelona meta minn penalty ieħor fit-62 minuta għamel l-iskor 2-2.

B’dan id-draw Barcelona baqgħu fit-tieni post tal-klassifika, punt inqas minn Real Madrid li iżda għandhom logħba inqas, b’Barcelona fadlilhom biss ħames logħbiet biex jippruvaw jirbħu La Liga.

 

Leganes 0   Sevilla 3

Doppjetta ta’ Torres għenet lil Sevilla sabiex joħorġu rebbieħa fuq Leganes 3-0. Gowls fit-23 u fil-35 minuta poġġew lil Sevilla minn fuq 2-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, b’Torres jiskurja t-tnejn li huma. El Haddadi mbagħad għalaq il-logħba fit-82 minuta.

Din ir-rebħa niżlet bħall-balzmu għal Sevilla wara erba’ logħbiet li fihom dejjem spiċċaw draw, biex b’hekk fetħu ħames punti distakk minn Getafe li iżda għandhom logħba inqas. Fil-preżent Sevilla jinsabu jokkupaw ir-raba’ post, żewġ punti taħt Atlético Madrid. Għal Leganes is-sitwazzjoni hija aktar imwiegħra għaliex jinsabu ta’ qabel tal-aħħar b’25 punt, 9 punti ‘l bogħod mis-salvazzjoni, u meta fadlilhom biss ħames logħbiet għal tmiem l-istaġun, ir-relegazzjoni qed tersaq dejjem aktar fil-viċin.

 

Mallorca 5   Celta Vigo 1

Mallorca kienu l-aħjar f’logħba li produċiet sitt gowls u li ħamsa minnhom skurjawhom huma kontra Celta Vigo. Kien Budimir li mill-penalty poġġa lil Mallorca minn fuq fit-13-il minuta. Cucho għamilhom 2-0 fis-27 minuta u Pozo skorja t-tielet fl-40 minuta biex sal-mistrieħ kienu diġà 3-0.

Aspas naqqas id-distakk għal Celta Vigo fil-50 minuta minn penalty, imma Budimir skorja t-tieni għalih u r-raba’ għal Mallorca fit-52 minuta. Sevilla mbagħad għalaq il-logħba billi skorja l-ħames gowl mas-siegħa logħob.

Din kienet rebħa li tista’ tiswa mitqlu deheb għal Mallorca fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni għax b’hekk telgħu b’29 punt u naqqsu d-distakk ta’ punti għal ħamsa minn mal-istess Celta Vigo.

 

Illejla jintlagħbu erba’ logħbiet minn La Liga:

19:30 Alaves – Granada

19:30 Valencia – Athletic Bilbao

22:00 Real Betis – Villarreal

22:00 Valladolid – Levante

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Andrea Pirlo se jinħatar kowċ tat-tim ta’ taħt it-23 sena ta’ Juventus. ‘Il Maestro’, hekk kif inhu magħruf, ġab il-liċenzja ta’ kowċ minn Coverciano stess. Hu kien irtira fl-2017. Skont…

Futbol internazzjonali

Għal xhur sħaħ kien hemm diversi għidut u spekulazzjonijiet li Lionel Messi, il-captain ta’ Barcelona, irid jitlaq lit-tim. Matul il-pandemija tal-Covid-19 l-Arġentin kien wieħed mill-plejers li attakka l-amministrazzjoni tal-klabb fil-miftuħ,…

Futbol internazzjonali

Real Madrid 1   Getafe 0 Real Madrid resqu pass eqreb viċin it-titlu meta għelbu lil Getafe 1-0. Din ir-rebħa fissret 3 punti oħra għal-Los Blancos li issa fetħu 4 punti…

Futbol internazzjonali

Atalanta 2   Napoli 0 Atalanta baqgħu għaddejjin mill-forma pożittiva tagħhom meta laqgħu lil Napoli u rebħulhom 2-0 biex issa kważi ċerti minn post fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej. Il-gowls kienu…

Aktar