Futbol lokali
Laqgħa bejn l-MFA u l-klabbs tal-Premier għada t-Tlieta dwar il-protokoll ‘Return to Play’

Għada t-Tlieta, il-Malta Football Association, se tlaqqa’ lid-diriġenti tal-klabbs tal-Kampjonat BOV Premier, biex tiddiskuti l-protokoll ‘Return to Play’, liema protokoll sar bi qbil mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

TVMSport infurmat li f’din il-laqgħa ġew imsejħa s-Segretarji Ġenerali, il-Covid Liaison Officers u t-Team Managers tat-timijiet tal-Premier.

Sorsi ta’ TVMSport ikkonfermaw li din il-laqgħa se tkun indirizzata minn Kurt Formosa u Dr Kirill Micallef Stafrace, iċ-Chief Football u l-Head Medical tal-MFA.

Waqt il-laqgħa, il-klabbs se jkunu qed jingħataw l-aħħar dettal dwar il-proċeduri fl-organizazzjoni tal-partiti minn filgħodu sa filgħaxija, hekk kif tintemm l-aħħar partita u dan bi pjan ta’ attivitajiet li jridu jkunu implimentati mill-MFA u l-klabbs, biex il-‘match day’ tkun waħda ċerta li ma toffri l-ebda riskju għa-saħħa pubblika.

Is-Sibt jirritorna l-Kampjonat BOV Premier u fost l-amministraturi u partitarji hemm stennija kbira biex dawn jaraw lit-timijiet tagħhom fl-azzjoni wara xhur ta’ waqfien minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li laqtet id-dinja.

L-aħħar partita qabel il-kampjonat li ntemm ħesrem kienet dik tat-8 ta’ Marzu 2020 bejn Gżira u Birkirkara, li ntrebħet minn dawn tal-aħħar bl-iskor ta’ 2-0. Wara 195 ġurnata, se jkunu Żejtun Corinthians u Santa Lucia li se jiftħu s-siparju għall-kampjonat 2020/21.

L-erba’ timijiet Maltin li kwalifikaw għall-kompetizzjonijiet Ewropej diġà kellhom iċ-ċans juru l-kapaċitajiet u l-intenzjonijiet tagħhom fil-logħbiet tal-Ewropa u kemm Floriana u Hibernians se jerġgħu jkunu impenjati proprju f’nofs din il-ġimgħa kontra avversarji mill-Irlanda ta’ Fuq u l-Ungerija, fit-tieni rawnd tal-UEFA Europa League.

Din is-sena u minħabba ċirkostanzi li ħadd m’għandu kontroll fuqhom, il-Kampjonat Premier se jibda xahar tard, bi protokoll mediku li jrid ikun segwit minn dawk kollha involuti u bil-bibien magħluqa.

Dan kollu se jwassal biex il-partitarji se jkollhom isegwu t-timijiet favoriti tagħhom minn fuq it-televiżjoni jew online, hekk kif issa aktar minn qatt qabel saret normali li nsegwu avvenimenti varji minħabba li n-nies ma jistgħux jinġabru f’ġemgħat.

Minkejja dan, anki skont l-aħħar Eżekuttiv tal-MFA, il-President Bjorn Vassallo, qal li qed issir ħidma fuq protokoll mal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex il-partitarji jerġgħu jirritornaw lura fl-istadia kemm jista’ jkun malajr.

Apparti minn hekk, kulħadd qed jistenna kampjonat ibbilanċjat fejn matul l-aħħar ġimgħat kienu bosta l-klabbs li ffirmaw plejers lokali u barranin biex iżidu fil-livell tekniku tal-iskwadra u jsaħħu l-aspirazzjonijiet tagħhom li jiġġieldu għal xi unur ewlieni.

Għall-ewwel darba fl-Istorja, il-kampjonat ta’ din is-sena se jkollu 16-il tim u anki jekk possibbilment ikollu ħafna partiti bla storja, jista’ wkoll joffri ħafna aktar sfida minħabba li trid titlaq b’saħħtek mill-ewwel ġurnata biex ma tirriskjax xi disfatta fl-aħħar u dan kollu jawgura li fuq il-pitch id-dwell bejn it-timijiet ikun wieħed mqanqal sew.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra

Bejn illejla u nhar il-Ħadd li ġej tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. Wara diversi riżultati interessanti fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat, hemm timijiet li għadhom jissieltu għall-ewwel punti fil-klassifika, filwaqt li…

UEFA Europa League: 3 Round Floriana…………2 Flora Tallinn…..4 Floriana raw il-ħolma tagħhom li jsiru l-ewwel team Malti li jgħaddi għall-play-offs tal-UEFA Europa League tisfuma meta wara wirja qalbenija li rathom…

L-ex captain ta’ Floriana Clyde Borg ingħaqad ma’ Gżira United. Borg iffirma kuntratt ta’ sena mal-Maroons. Clyde Borg għandu 28 sena u fil-karriera tiegħu lagħab aktar minn 200 partita ma’…

Il-protokoll mediku implimentat fil-Kampjonat BOV Premier u fiċ-Challenge League, mhux se jkun l-istess bħal dak implimentat għal-livelli ‘amateur and grassroots.’ TVMSport jinsab infurmat li l-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin iqisu dan il-livell…

Aktar