Formula 1
Lewis Hamilton pożittiv għall-Covid-19, ser jitlef il-Grand Prix tal-Ħadd li ġej

Ftit tal-jiem wara li Lewis Hamilton rebaħ il-11-il Grand Prix personali f’dan l-istaġun, f’Sakhir il-Bahrain, huwa rriżulta pożittiv għat-test tal-Covid-19. Is-seba’ darbiet champion tad-dinja jinsab iżolat wara li t-Tlieta filgħodu ħarġet l-aħbar li jinsab infettat bil-coronavirus.

Ir-riżultat ħareġ wara li matul il-ġurnata tat-Tnejn sarlu swab test bi preparament għat-tellieqa tal-Ħadd li ġej fl-istess ċirkwit tal-Ħadd li għadda, f’Sakhir. Jidher li fil-ħin li għadda kull persuna li ġiet f’kuntatt ma’ Lewis Hamilton kienet avviċinata, wara li l-Brittaniku ħass sintomi ħfief matul il-ġurnata tal-bieraħ. S’issa diġà sarulu żewġ testijiet li t-tnejn li huma rriżultaw pożittiv. L-FIA kkonfermat li matul il-ġimgħa li għaddiet, Hamilton sarulu tliet testijiet tal-Covid-19, li kollha rriżultaw fin-negattiv. Biss jidher li s-sewwieq Brittaniku ġie f’kuntatt ma’ persuna li għandha l-Covid-19 qabel ma’ mar il-Bahrain.

Dan ifisser li Lewis Hamilton ser jitlef it-tellieqa tal-Ħadd li ġej, u allura ma jistax jilħaq ir-rekord ta’ Michael Schumacher u Sebastien Vettel, li jirbaħ 13-il tellieqa fi staġun wieħed. Hamilton huwa t-tielet sewwieq f’dan l-istaġun li nstab pożittiv bil-Covid-19, wara Sergio Perez u Lance Stroll. Għadu mhux ċert jekk Hamilton ikunx jista’ jtellaq fil-Grand Prix t’Abu Dhabi fit-13 ta’ Diċembru, li huwa l-aħħar wieħed għal dan l-istaġun.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA