Formula 1
Lewis Hamilton ser jirċievi l-unur ta’ Kavallier

Is-seba’ darbiet champion ta’ Formula 1 Lewis Hamilton ser jirċievi l-unur ta’ Kavallier. F’lista li kienet ippubblikata lbieraħ, isem is-sewwieq ta’ 35 sena kien inkluż, bl-unur ser jingħatalu wara staġun brillanti fejn fih laħaq ir-rekord tal-leġġenda Michael Schumacher f’numru ta’ kampjonati mirbuħa, kif ukoll kiser ir-rekord tal-Ġermaniż fl-ammont ta’ Grand Prixs li rebaħ.

Lewis Hamilton huwa l-uniku sewwieq ta’ kulur fil-Formula 1, u matul l-2020 kien voċiferu fil-kampanja Black Lives Matter. B’hekk Hamilton sar ir-raba’ sewwieq fil-Formula 1 li ħa l-unur ta’ Kavallier, fejn qablu dan ingħata lill-Awstraljan Jack Brabham, Stirling Moss, kif ukoll it-tliet darbiet champion Jackie Stewart.

Sportivi oħra li ngħataw dan l-unur huma ċ-ċiklist Bradley Wiggins, rebbieħ tat-Tour de France, it-tennist Andy Murray u l-plejer tal-Cricket Alastair Cook.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA