Futbol lokali
“Li kien għalija bdilt 90% tal-plejers. Kont tajt ‘open budget’ u kont niffirma u naqta’ ċ-ċekkijiet biss” – Frank Zarb, President Birkirkara FC

Birkirkara ppreżentaw l-akkwisti u l-isponsors il-ġodda f’konferenza stampa organizzata llum wara nofsinhar li ġiet indirizzata mill-President Frank Zarb, mid-Drettur Tekniku Michael Valenzia u mid-Direttur Sportiv John Arne Riise.

Frank Zarb, President ta’ Birkirkara FC, qal li l-akkwisti li t-tim għamel fil-ġimgħat li għaddew se jkunu qed jgħinu lit-tim biex jissaħħaħ u jingħaqad għall-futur sabiħ. Hu qal li bil-plejers li għandu fit-tim, jemmen li l-iskwadra hi waħda solida u b’saħħitha biżżejjed biex tiġġieled għall-unuri.

Il-President ta’ Birkirkara qal li kieku kien għalih kien jibdel 90% tal-plejers fit-tim iżda fuq pariri li ngħata minn dawk l-aktar viċin tiegħu, fehem li ma kienx ikun għaqli li jsir hekk. Hu qal li ma kienx kuntent bil-plejers u bil-wirjiet tat-tim, speċjalment bil-barranin u kien għalhekk li ħass li kellu jsir xi ħaġa.

“Kont tajt ‘open budget’ biex jinġiebu u jinxtraw il-plejers li hemm bżonn biex l-iskwadra tkun kompetitittiva iżda dan ma sarx u għalhekk ħassejt li kellhi nintervjeni. Fil-passat riċenti qatt ma kont nidħol f’diskussjoni waħda u kont fil-klabb biss biex meta hemm bżonn niffirma u naqta’ ċekkijiet, xi ħaġa li ddeċidejt li nibdel u issa sirt ninvolvi ruħi fil-laqgħat kollha u niddiskuti mal-kumplament tal-membri fil-klabb,” qal Frank Zarb.

Frank Zarb qal li kien għalhekk li ġab fit-tim lil John Arne Riise għax jemmen li minn bniedem ta’ dik l-esperjenza kollha b’tant snin ta’ futbol professjonali, seta’ jgħin ħafna fl-għanijiet tal-klabb.

Mistoqsi fuq l-ex kowċ Paul Zammit, u f’hiex jinsabu d-diskussjonijiet bejniethom, il-President ta’ Birkirkara qal li dak li kellu xi jgħid diġà qalu u li ma xtaq iżid xejn aktar. Hu qal biss li fiż-żmien li ġej se jkun qed jikkonkludi n-negozjati mal-ex kowċ tiegħu.

Fil-konferenza kien hemm preżenti wkoll il-plejers Andrew Hogg, Clayton Failla, Nikola Vukanac, Jorginho, Maurizio Vella u Mislav Andelkovic.

 

“Jekk hawn xi ħadd jgħid li Riise m’għandu xejn x’joffri lil Birkirkirkara u lill-futbol Malti, nistgħu mmorru d-dar u ma ngħid xejn aktar” – Michael Valenzia, Direttur Tekniku, Birkirkara FC

Tkellem ukoll Michael Valenzia li qal li l-għanijiet tat-tim Karkariż hu ta’ pjan fit-tul li jispera li mhux fil-bogħod jibda jara r-rebħ u r-riżultati lejn il-klabb. Valenzia tkellem fuq l-aħħar kontroversja li qamet fil-futbol Malti, dik dwar il-kowċis li hawn f’Malta fejn diversi kowċis lokali qed isostnu li qed jitilfu posthom kontra wħud barranin li mhux professjonali u kwalifikati.

“Għandi suspett li hawn min irid li l-affarijiet jibqgħu kif inhuma u jħalli l-kompetizzjoni tibqa’ biss tajba għal bejnietna. Jekk hawn xi ħadd jgħid li Riise m’għandu xejn x’joffri lil Birkirkirkara u lill-futbol Malti, nistgħu mmorru d-dar u ma ngħid xejn aktar,” qal Michael Valenzia.

B’referenza għall-programm OFFSIDE fuq TVM2 li jixxandar it-Tnejn filgħaxija, Valenzia qal li jaqbel perfettament ma’ kumment li għadda t-Tnejn li għadda Jose Borg, kowċ ta’ Tarxien Rainbows FC, fejn qal li mhux il-liċenzja tagħmlek kowċ tajjeb. Valenzia żied li mhux bilfors li għax kont plejer tajjeb, inti kowċ tajjeb u mhux bilfors li għax qatt ma kont plejer, inti kowċ ħażin. Skont Valenzia, il-kuntatti u l-esperjenza kbira li għandu Riise se jkomplu jgħinu fil-qabża ta’ kwalità għal Birkirkara FC.

 

“Il-futbol Malti għandu livell ħafna aktar milli jaħsbu ċerti nies” – John Arne Riise, Direttur Sportiv, Birkirkara FC

Tkellem ukoll id-Direttur Sportiv ta’ Birkirkara FC, John Arne Riise li min-naħa tiegħu qal li kemm ilu jieħu ħsieb lit-tim Karkariż ra plejers li qed jagħtu aktar mill-mija fil-mija tagħhom u li jinsab kuntent bil-wirjiet. Riise qal li il-bidu ried isir jaf il-plejers sew u ried li jibdel ċerta mentalità li kienet qed teżisti.

L-ex plejer ta’ Liverpool, AS Roma u tan-Norveġja qal li jinsab kuntent li qed jaħdem id f’id mal-plejers kollha, mal-istaff tekniku u mat-tmexxija tal-klabb Karkariż. Riise qal li jistenna lill-plejers li jagħmlu fil-partiti dak li jagħmlu waqt it-taħriġ.

Mistoqsi minn TVM Sport dwar il-livell tal-futbol Malti wara ftit xhur f’Malta, Riise qal li żgur li hu ħafna aħjar milli jaħsbu ċerti nies. Riise qal li f’Malta hawn plejers tajbin ħafna u ta’ livell, inkluż Maltin. Hu qal li jinsab sorpriż bil-livell li sab, għalkemm differenti ħafna mil-livelli li kien jilgħab hu.

Birkirkara jilagħbu l-partita mill-kwarti tal-finali tal-FA Trophy għada s-Sibt fl-4.00pm kontra Mosta FC fil-Hibernians Stadium, f’Kordin.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Illum tkomplu u tlesta l-MFA Symposium li kien organizzat f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta. Dan is-symposium wassal tagħrif ta’ opportunitajiet fid-dinja diġitali tal-lum. Is-Symposium fetaħ b’diskors tal-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo…

Futbol lokali

Darren Abdilla hu l-kowċ il-ġdid ta’ Valletta FC. Hu ffirma kuntratt li se jorbtu mal-klabb sal-istaġun 2021/2022. L-aħbar saret uffiċjali ilbieraħ filgħaxija. Abdilla kien strumentali biex Gżira United FC għamlu…

Futbol lokali

Bob Higgins, l-ex Youth Development Officer tal-Malta Football Association, instab ħati fuq 45 kap ta’ akkuża ta’ abbuż sesswali fuq 23 tifel. Higgins kien ingħata din il-kariga fl-MFA f’Lulju tal-1989…

Futbol lokali

Manuele Blasi, l-ex plejer tas-Serie u tat-tim nazzjonali Taljan, mil-lum sar il-kowċ ta’ Hamrun Spartans FC. Blasi se jkun qed jibdel lil Giovanni Tedesco li ħalla l-kariga tiegħu biex ingħaqad…

Aktar