Futbol lokali
Lija jdawru telfa f’rebħa

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Lija Athletic………..3

Santa Lucia………..1

Lija Athletic dawru telfa f’rebħa hekk kif għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-1 sabiex baqgħu jissieltu kontra r-relegazzjoni.

L-ewwel okkażjoni tal-logħba ħolquha Santa Lucia fil-11-il minuta meta xutt ta’ Augusto Caseres sab lill-gowlkiper ta’ Lija Luke Bonnici attent.

Bejn l-20 u l-21 minuta, l-istess Bonnici salva tajjeb tentattivi ta’ Prates u Da Silva Souza.

Fl-24 minuta, Lija resqu lejn il-lasti ta’ Santa Lucia fejn kien Miguel Montfort li salva tajjeb xutt ta’ Brandan.

Minuta wara kontrattakk veloċi ta’ Santa Lucia u xutt ta’ Kevin Correia spiċċa ftit barra.

Fid-29 minuta, kien difensur ta’ Santa Lucia li salva fuq il-linja tentattiv ta’ Miguel Jimenez.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 0-0.

It-tim immexxi minn Oliver Spiteri bdew bl-aħjar mod it-tieni taqsima hekk kif fetħu l-iskor. Kien fid-49 minuta meta wara korner mix-xellug, kien Kevin Correia li għola fuq kulħadd u bir-ras għeleb lil Bonnici.

Minuta wara kien Augusto Caseres għal Santa Lucia li tilef ċans tad-deheb meta x-xutt tiegħu għadda kemm kemm barra.

Minkejja kollox, kienu Lija Athletic li ġabu l-iskor indaqs fis-57 minuta meta xutt ta’ Carlos Flores kien imxellef għal ġewwa minn difensur ta’ Santa Lucia.

Fil-61 minuta xutt ta’ Leandro Motta sab lil Luke Bonnici attent.

Fit-68 minuta, Lija Athletic marru fil-vantaġġ meta cross-shot ta’ Carlos Flores qarraq bil-gowlkiper Miguel Montfort.

Fil-71 minuta, Lija skorjaw it-tielet gowl meta wara kontrattakk veloċi, kien Joseph Carl Cassar li avvanza tajjeb u b’xutt għar-rokna għeleb lil Montfort.

Fil-85 minuta, Santa Lucia kellhom ċans li jiskorjaw it-tieni gowl iżda Kevin Correia ma ħax vantaġġ minn ribawnd wara li Luke Bonnici laqa’ iżda ma żammx.

Lija kkontrollaw lill-avversarji tagħhom sabiex irreġistraw il-ħames rebħa staġjonali.

Formazzjonijiet: 

Lija Athletic: Luke Bonnici, Carl Cassar, Leon Muscat, Daniel Scerri, Fernando Brandan, Harry Wood, Walter Serrano, Miguel Jimenez, Juan Gill Cruz, Miguel Giordimaina, Carlos Flores.

Santa Lucia: Miguel Montfort, Rodriguez Prates, Kevin Correia, Adam Magri Overand, Leandro Motta, Nicholas Pulis, Alan Da Silva Souza, Kevin Ante Rosero, Victor Filho, Jamie Zerafa, Augusto Caseres.

Referi: Darryl Agius

BOV Plejer tal-Logħba kien Carlos Flores ta’ Lija Athletic

Riżultat Finali: Lija 3 Santa Lucia 1

Miktub minn...
TVM Sport
.