Olimpijadi TOKYO 2020
Lisa Carrington tkompli timpressjona fil-kayak, filwaqt li l-boxer Ġappuniża Sena Irie tegħleb liċ-champion tad-dinja

Fit-tlielaq tal-kayak, Lisa Carrington ta’ New Zealand rebħet fil-200 metru u għamlet ħin olimpiku ġdid biex b’hekk rebħet it-tielet midalja tad-deheb konsekuttiva fi tliet edizzjonijiet tal-Olimpjadi. Fis-Sea Forest Waterway, hija ħarġet rebbieħa wkoll fil-500 metru flimkien mal-kompatrijotta Caitlin Regal.

Fil-200 metru kayak, l-Ispanjola Teresa Portela rebħet il-fidda filwaqt li d-Daniża Emma Jorgensen rebħet il-bronż.

Fit-tlielaq tal-kayak tal-irġiel, fil-finali tal-1,000 metru, kien l-Ungeriż Balint Kopasz li temm quddiem il-kompatrijott Adam Varga u l-Portugiż Fernando Pimenta. Huwa għamel ħin ta’ 3 minuti 20.643 sekondi.

Fuq l-istess distanza imma fid-doubles, il-koppja Kubana Serguey Torres u Fernando Jorge ħarġu rebbieħa f’ħin ta’ 3 minuti 24.995 sekondi. Iċ-Ċiniżi Liu Hao u Zheng Pengfei rebħu l-fidda filwaqt li l-koppja Ġermaniża Sebastian Brendel u Tim Hecker rebħu l-bronż.

 

Fil-boxing tan-nisa, suċċess għall-Ġappuniża Sena Irie li rnexxilha tegħleb liċ-champion dinjija tal-featherweight Nesthy Petecio tal-Filippini. B’hekk il-Ġappun rebaħ l-ewwel midalja tad-deheb f’din id-dixxiplina f’Olimpjadi.

 

Fil-kwartifinali tal-volleyball, l-Istati Uniti u l-Iżvizzera għaddew għall-fażi li jmiss b’rebħiet fil-logħbiet rispettivi tagħhom. L-Amerikani għelbu lill-Ġermaniżi 2-0, filwaqt li l-Iżvizzeri għelbu lill-Brażiljani 2-1.

 

Fil-hockey, iċ-champions dinjija l-Belġju, għaddew għall-finali wara li fis-semifinali għelbu lill-Indja 5-2. Il-Belġjani qed jistennew ir-riżultat tal-logħba bejn l-Awstralja u l-Ġermanja sabiex ikunu jafu lil min ser jaffaċċjaw fil-finali, filwaqt li l-Indja ser jikkompetu għall-midalja tal-bronż.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA