Futbol internazzjonali
Liverpool interessati f’Locatelli filwaqt li r-rappreżentanti ta’ Juventus u Sassuolo ser jiltaqgħu llum

Liverpool daħlu fit-taqtiegħa għall-midfielder ta’ Sassuolo, Manuel Locatelli. Wara l-logħob tiegħu fl-edizzjoni tal-EURO 2020, Locatelli qabad l-attenzjoni ta’ diversi klabbs Ewropej, biss jidher li d-destinazzjoni preferita tiegħu hija Turin. Apparti Juventus, hemm anke Arsenal li huma interessati fil-plejer ta’ nofs il-grawnd.

Skont La Gazzetta dello Sport, kien fl-aħħar sigħat li Liverpool urew l-intenzjoni tagħhom li jitfgħu offerta għall-plejer, fid-dawl li suppost illum il-Ġimgħa, rappreżentanti ta’ Juventus kellhom jiltaqgħu mal-aġent ta’ Locatelli u rappreżentanti ta’ Sassuolo. Skont l-aġent tiegħu, Arsenal diġa’ tefgħu offerta ta’ €40 miljun, imma l-midfielder Taljan mhuwiex interessat li jmur jilgħab fl-Emirates Stadium.

F’kummenti li l-Kap Eżekuttiv ta’ Sassuolo Giovanni Carnevali ta lil Sky Sports Italia qal li l-plejer irid jingħaqad ma’ Juventus u għalhekk ser jiltaqgħu mat-tmexxija tal-klabb matul il-ġurnata tal-Ġimgħa. Carnevali qal li mhux ser isibu oġġezzjoni li jbiegħuh lil ta’ La Vecchia Signora jekk kemm-il darba jħallsu prezzu.

Fil-verità Sassuolo qed jitolbu €40 miljun għal Locatelli, biss s’issa Juventus għadhom ma waslux li joffru dik is-somma. Min-naħa l-oħra, Sassuolo diġà għamluha ċara li l-aqwa plejers tagħhom jistgħu jħallu lill-klabb sat-8 t’Awwissu, biss dawk li ma jitilqux iridu jibqgħu mal-klabb sa tmiem l-istaġun.

F’dan id-dawl, kemm Juventus u anke Liverpool fadlilhom disat ijiem ċans biex jifthiemu ma’ Sassuolo u mal-plejer. Għalkemm il-midfielder jixtieq li jingħaqad ma’ Juventus, jista’ jkun li Sassuolo ma jaċċettawx l-offerta tal-bianconeri minħabba li ma jistgħux jixtruh, u minflok iridu jikkonvinċuh li jiffirma b’self u fil-kuntratt ikun hemm l-għażla li jistgħu jixtruh. Fil-fatt, Sassuolo mhumiex lesti li jħallu lill-aqwa plejer tagħhom jitlaq b’dan il-mod u diġà rrifjutaw l-offerta inizjali ta’ Juventus, €6 miljuni għas-self tiegħu b’għażla li jixtruh għal €23.5 miljuni. Għaldaqstant, jekk kemm-il darba Liverpool joffru l-€40 miljun rikjesti minn Sassuolo, ikun fadal biss l-ftehim tal-plejer mal-klabb minn Merseyside.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA